Jikteb Jonathan Attard, Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol
Waħda mill-prijoritajiet ewlenin li tajna lilna nfusna f’din il-leġiżlatura hija li nkomplu nsaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħna. Dan jgħodd b’mod partikolari fil-qasam tal-ippjanar, settur li jaffettwa direttament il-kwalità tal-ħajja, l-ambjent, il-komunitajiet tagħna u l-mod kif nużaw ir-riżorsi limitati tal-pajjiż.
Għalhekk il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar riforma importanti fis-sistema tal-appelli fl-ippjanar. Din hija riforma li twettaq impenn elettorali ċar u li tindirizza tħassib li ilu jiġi espress minn residenti, kunsilli lokali, għaqdiet ambjentali, professjonisti u diversi stakeholders oħra.
Fil-qalba tad-diskussjoni hemm mistoqsija fundamentali: x’valur għandu appell jekk, qabel ma jiġi deċiż, il-permess ikun diġà ġie implimentat u l-iżvilupp ikun sar? Din hija l-problema li s-sistema attwali mhux dejjem irnexxielha tindirizza b’mod sodisfaċenti. Għalkemm il-liġi ilha tipprovdi dritt ta’ appell, ħafna drabi kien hemm il-perċezzjoni li dan id-dritt ma kienx dejjem iwassal għal rimedju effettiv fil-prattika.
Ir-riforma proposta tibni fuq prinċipju sempliċi iżda importanti ħafna: jekk il-liġi tagħti dritt ta’ appell, dak id-dritt għandu jkun wieħed reali u mhux biss wieħed formali. Huwa għalhekk li qed nipproponu li, meta jiġi ppreżentat appell li jitlob it-tħassir, l-annullament, ir-revoka jew il-limitazzjoni ta’ permess ta’ żvilupp, il-permess jiġi sospiż awtomatikament bil-forza tal-liġi sakemm il-proċess tal-appell jiġi determinat b’mod finali.
Din il-bidla ma għandhiex tinftiehem bħala miżura kontra l-iżvilupp. Għall-kuntrarju, hija miżura favur sistema aktar kredibbli u aktar ġusta. Min japplika għal permess ta’ żvilupp għandu dritt għal ċertezza legali u għal deċiżjonijiet f’waqthom. Min iħossu aggravat minn permess għandu dritt għal appell li jkun jista’ jagħmel differenza. Ir-riforma tfittex proprju dan il-bilanċ.
Fil-fatt, is-sospensjoni awtomatika qed tkun akkumpanjata minn qafas ġdid ta’ proċeduri mħaffa. Każijiet li jinvolvu permessi sospiżi se jiġu trattati bħala każijiet urġenti. It-Tribunal ikollu jżomm l-ewwel seduta fi żmien massimu ta’ 30 jum u jagħti deċiżjoni fi żmien sitt xhur, filwaqt li l-appelli sussegwenti quddiem il-Qorti tal-Appell ikunu wkoll marbuta ma’ termini speċifiċi u aktar stretti li ma jaqbżux il-massimu ta’ 6 xhur. Għaldaqstant, is-sospensjoni ma tkunx mekkaniżmu ta’ dewmien, iżda garanzija ta’ ġustizzja akkumpanjata minn effiċjenza.
Aspett ieħor importanti tar-riforma huwa l-modernizzazzjoni tal-proċess. Qed nintroduċu notifika elettronika, reġistri diġitali aktar effettivi, koordinazzjoni aħjar bejn it-Tribunal, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Qrati, kif ukoll l-użu ta’ assistent ġudizzjarju biex jiffaċilita l-ġestjoni tal-każijiet. Dawn il-miżuri jistgħu jidhru tekniċi, iżda huma essenzjali biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jitħaffef il-proċess kollu.
Ir-riforma tindirizza wkoll il-ħtieġa li jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn jinħolqu drittijiet fuq il-post waqt li l-appell ikun għadu pendenti. Għalhekk qed jiġu introdotti dispożizzjonijiet ċari li jipprekludu lil min jikser sospensjoni milli jikseb xi benefiċċju jew vantaġġ legali mill-aġir tiegħu.
Fl-istess waqt, qed jissaħħu l-għodod ta’ infurzar u qed jiġu introdotti konsegwenzi ċari għal min jinjora jew jikser il-liġi.
Naturalment, din mhijiex il-konklużjoni tad-diskussjoni. Għall-kuntrarju, issa jinsab miftuħ il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Nemmnu li l-aqwa riformi huma dawk li jinbnew fuq djalogu miftuħ, fejn jisimgħu l-vuċijiet kollha u fejn jiġu kkunsidrati b’serjetà kemm il-proposti kif ukoll it-tħassib li jista’ jkun hemm. Proprju għalhekk qed nistiednu lill-professjonisti, lill-għaqdiet, lill-kunsilli lokali, lis-settur privat u lill-pubbliku kollu biex jagħtu l-kontribut tagħhom.
Fl-aħħar mill-aħħar, din ir-riforma hija dwar aktar minn sempliċi proċedura legali.
Hija dwar il-fiduċja tan-nies fis-sistema tal-ippjanar. Hija dwar il-prinċipju li l-ġustizzja għandha tkun effettiva u aċċessibbli. Hija dwar il-bżonn li d-deċiżjonijiet li jolqtu lill-komunitajiet tagħna jkunu akkumpanjati minn proċessi li huma trasparenti, ibbilanċjati u kredibbli.
Jekk irridu sistema moderna tal-ippjanar, irridu wkoll sistema moderna tal-appelli. Din ir-riforma hija pass importanti f’dik id-direzzjoni. Pass favur il-ġustizzja, favur il-governanza tajba u favur Malta li tkompli tavvanza b’mod sostenibbli u responsabbli.




