Il-Qorti tagħti ċamata lill-Uffiċċju tal-AG

... itawwlu xahar u nofs u jippruvaw ifarfru dwar talba tal-avukati ta' Harbinson

Aqra wkoll

Il-Qorti tat ċamata lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għal telf ta’ ħin fir-rigward ta’ Jeremy Harbinson meta damu xahar u nofs biex jinfurmawha b’email li kienu rċevew u ppruvaw ifarfru deċiżjoni li kellu jieħu l-istess Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali fuq il-Qorti.

F’’rikors li ġie ppreżentat dak inhar li kien hemm is-seduta quddiem il-Qorti jiġifieri fit-22 ta’ Lulju tas-sena 2026 minflok ma ingħatat l-informazzjoni bil-miftuħ fil-Qorti dak il-ħin stess, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ppreżenta rikors biex jinforma lill-Magistrat Lara Lanfranco li l-avukati ta’ Jeremy Harbinson kienu għamlu kuntatt ma’ l-awtoritajiet Ingliżi u talbuhom informazzjoni li kienu għaddewlhom l-awtoritajiet Maltin meta talbu l-għajnuna tagħhom biex jixhed Harbinson.

L-Ingliżi infurmaw b’dan kollu lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fit-8 ta’ Ġunju b’dawn tal-aħħar jistennew sat-22 ta’ Lulju biex jinfurmaw il-Qorti. Dan juri nuqqas ta’ serjetà fil-prosekuzzjoni ta’ dan il-każ apparti li kien hemm ħela ta’ xahar u nofs, liema żmien l-Awtorità Maltija, imexxija mill-Avukat Ġenerali setgħet tużah aħjar u mhux taħlih.

Il-Maġistrat Lanfranco mhux biss ma ħaditx gost b’dan  it-tiġbid, iżda ma setgħetx tifhem għaliex l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ried jitlob lill-Qorti dwar x’dokumenti għandhom jagħtu permess lill-Ingliżi jgħaddu lill-avukati ta’ Harbinson meta dan huwa xogħlhom.

Il-Qorti baqgħet mistgħaġba kif l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali għamel żball bħal dan meta kien xogħol l-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali li jiddeċiedi jekk kinitx ser tilqa’ jew le t-talba ta’ l-Awtorità Ingliża jew le. Żġur li ma kienx ir-rwol tal-Qorti.

L-Avukat Francesco Refalo, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u bosta persuni oħra baqa’ b’fommu sieket u ma qal xejn fil-Qorti dwar il-kuntatt li kien sar mill-avukati ta’ Harbinson.  Saħansitra ma nterveniex meta l-Pulizija qalet li l-Interpol tatha informazzjoni li hu ġie mwaqqaf hu u dieħel l-Olanda fl-10 ta’ Mejju li għadda u ddikjara li għadu jgħix fl-Irlanda ta’ Fuq.

Harbinson kien iddikjara bil-ġurament li ma jistax u ma jridx jixhed.  Mhux magħruf issa x’inhi l-pożizzjoni tiegħu.

Fi żvilupp ieħor, l-awtoritajiet Żvizzeri ppreżentaw ir-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji relatati ma’ Steward Healthcare.  Madankollu qalu li l-bank Svizzeru UBS ma kellu l-ebda informazzjoni x’jagħti dwar dawn il-kumpaniji.  L-awtoritajiet Żvizzeri kienu akkużaw lill-Uffiċċju Avukat Ġenerali li qed tagħmel “fishing expedition”, jiġifieri li ma kelliex idea x’qed ifittxu.

Filwaqt li ssoltu avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jitla’ jippreżenta ittri bħal dawn, din id-darba għażlu li sempliċiment jitfgħuhom fil-file.  Lanqas biss saret traduzzjoni ta’ dawn l-ittri bil-għan ċar ikun li jintilef aktar żmien meta l-kawża issa ġiet differita għal Ottubru li ġej.

Il-każ ilu mwaħħal aktar minn sena b’seduti li ma jwasslu għal imkien. Sadanittant, għada se jkompli jinstema’ iċ-‘challenge’ fir-rigward tas-Serba Miroslava Milenovic fejn il-Pulizija ma ħaditx passi kontriha wara li ippużat ta’ ‘accountant’ mingħajr ma kellha warrant.  Iċ-Chairman tal-Accountancy Board, Edgar Borg, xehed ċar u tond fil-Qorti li hi ma setgħetx tagħmel dan.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport