Saturday, April 27, 2024

GRAZZI TONY… IL-ĦADDIEMA MHU SE JINSEWK QATT

Aqra wkoll

Il-Ħadd kmieni waranofsinhar malajr ġriet il-kelma li Tony Zarb kien ħalliena. Sajjetta fil-bnazzi għax b’xi mod Tony ħalla impatt fuq kulħadd sewwa dawk li kienu jaqblu miegħu kif ukoll dawk li ma kinux. 

Irrispettivament kontx taqbel mal-prinċipji tiegħu, mal-approċċ tiegħu, mal-fehmiet tiegħu, żgur tagħraf il-fatt li dan kien suldat tal-azzar li jħobb lil Malta, il-GWU, il-Partit Laburista u fuq kollox, lill-ħaddiem. Tassew lill-ħaddiem li tul ħajtu dejjem ħadem qatigħ biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu, biex jara li l-kwalità tal-ħajja tiegħu titjieb, u biex jara li verament jingħata il-ġieħ u l-apprezzament mistħoqq għal dak li jagħmel kuljum biex jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum. Dan dejjem għamlu bla kundizzjonijiet, bla aġendi personali, anke jekk kien ifisser li ma jaqbilx mal-gvern u ma’ dawk qrib tiegħu. 

Iva, għax għal Tony, il-ħaddiem kien is-sinsla ta’ pajjiżna. Kien il-mutur ta’ Malta. Kien dak li jiddistingwina bħala nazzjon. Dan dejjem għamlu b’umiltà, b’konvinzjoni u b’determinazzjoni. Dan dejjem għamlu b’dak it-ton sod li kien jiddistingwih anke meta saħħtu ma baqgħetx li kienet. Dan dejjem għamlu b’dik il-qilla li għamlitu dak li se jibqa’ magħruf għalih fis-snin li ġejjin: uniku. 

Malta tilfet pilastru. Tilfet parti importanti mill-istorja tat-trejdunjoniżmu lokali, tilfet ġgant tas-soċjetà Maltija. Per`ó l-legat tigħu se jibqa’ magħna għax dik li hi llum il-GWU hija parti minnha attribwita għalih. Għax dak li llum igawdi kull ħaddiem għandu fl-għeruq tiegħu l-kisbiet li għamel tul iż-żmien tiegħu bħala Segretarju Ġenerali. Għax dak li hi Malta llum hija wkoll attribwita ma’ dak li dejjem stinka għalih Tony. Fuq kollox, għax dak li stinka għalih, għadu rilevanti llum iktar minn qatt qabel.  

Insellmulek. Grazzi Tony! Strieħ fis-sliem l-għażiż tagħna.

Sport