Thursday, April 18, 2024

IL-MONKEYPOX U S-SINTOMI TAL-MARDA

Aqra wkoll

Il-monkeypox hija marda kkaġunata minn virus li ġej minn l-istess familja tas-smallpox, li kienet ġiet eradikata permezz ta’ vaċċin. Ghaldaqstant, jidher li dan il-vaċċin tas-smallpox jista’ wkoll jipprevjeni madwar 85% mill-marda tal-monkeypox.

Din il-marda ilha teżisti madwar 50 sena, hija l-iktar komuni fl-Afrika u ġiet skopruta l-ewwel fi grupp ta’ xadini. 

Din il-marda tista’ taffettwa lil kulħadd, minn tfal sa anzjani, u għandha perjodu ta’ inkubazzjoni ta’ madwar 7-21 jum.

L-ewwel sintomi li jistgħu jfeġġu huma għeja, deni, uġigħ fil-muskoli jew fir-ras, u glandoli minfuħin, speċjalment fl-għonq jew tar-ras. Wara, ġeneralment joħroġ ukoll raxx li jiżviluppa f’ponot pjuttost imdaqqsin li jkunu mimlijin b’likwidu isfar. Dawn il-ponot huma l-iktar komuni li jfeġġu fil-wiċċ, fl-idejn jew fis-saqajn, fil-partijiet ġenitali jew anke fil-ħalq. Huwa f’dan l-istadju li l-marda ssir infettiva, sakemm eventwalment jaqa’ l-aħħar qxur tal-ponot. 

Il-virus tal-monkeypox normalment idum biex jgħaddi kompletament bejn 2-4 ġimgħat u s’issa jidher li ma jħallix impatti serji fuq il-ġisem. 

It-trattament għal din il-kundizzjoni huwa wieħed konsersattiv li hu mmirat sabiex jitnaqqsu s-sintomi. Ir-raxx eventwalment jinxef waħdu. Dan il-virus jista’ jittieħed mill-arja jew permezz ta’ kuntatti diretti ma’ persuni infettati, inkluż kuntatti ma’ likwidi li ġejjin minn persuni infettati, li jinsabu f’xugamani, lożor u anke ħwejjeġ.

F’każ li jfeġġu xi sintomi li jistgħu jkunu simili ta’ monkeypox, wieħed għandu jfittex għajnuna medika mill-aktar fiż, jevita kuntatti sesswali u jżomm lilu nnifsu iżolat ħalli jnaqqas mill-firxa.

Għall-aktar informazzjoni dwar is-saħħa ħolistika, jekk jogħġbok żur is-sit www.facebook.com/be.heart.healthy

Ekonomija

Sport