Monday, December 9, 2024

Grech isostni li l-PN se joffri pjan ġdid għall-poplu Malti u Għawdxi

Aqra wkoll

Fil-Parlament, illejla l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għamel ir-replika tiegħu għall-Budget 2025. Huwa beda biex qal li Malta u Għawdex għandhom bżonn tmexxija li tiffunzjona u tiffoka fuq il-prijoritajiet tal-pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ tenna li dan huwa budget fejn skontu l-miżuri m’huma xejn ħlief iżolati minn xulxin.

Grech qal li l-PN mmexxi minnu se joffri pjan ġdid għall-poplu kollu u għall-pajjiż. Sostna li l-istess pjan se jkun qed jagħti tama u prosperità lil kulħadd u għall-ġejjieni. Qal ukoll li għandu pjan għal kull ċittadin, kull familja, kull ġenitur. 

“L-għira mhix kelma li ssibha fid-dizzjunarju tal-Partit Nazzjonalista”

Fid-diskors tiegħu, Dr Grech qal li l-partit immexxi minnu m’għandu xejn kontra l-imprendituri u li huma jinċentivaw lil kulħadd biex jimmira ‘l fuq. Kien hawn fejn Grech irrimarka li l-kelma għira ma tinstabx fid-dizzjunarju tal-PN. Qal li l-PN kien u se jibqa’ l-partit li jemmen bis-sħiħ fil-ġid maħluq li għandu jitqassam b’ġustizzja. 

“Il-Pre-Budget Document jiddandan bl-investiment 

B’referenza għall-Università, Grech qal; “Il-gvern qed jibgħat messaġġi kontradittorji. Il-Pre-Budget Document jiddandan bl-investiment f’das-settur. Imma imbagħad joħroġ ħadd ħlief il-Ministru tal-Finanzi jattakka, iva jattakka, lill-Università għax mhix taqla’ biżżejjed flus”.

Minkejja li qal dan fuq il-pre-budget document li ħareġ il-Gvern, fl-ebda ħin ma semma d-dokument ta’ qabel il-Budget tal-PN, dokument li minkejja d-diversi ġimgħat u xhur ta’ ħidma baqa’ qatt ma ħareġ u għalhekk baqa’ mistur. 

Skont Grech, dan kien budget bla pjan, bla direzzjoni strateġika u ta’ Gvern li għejja. Qal ukoll li dan huwa budget li ma semgħax l-għajta tan-nies kif wiegħed.

Temm jgħid li l-PN joffri direzzjoni b’saħħitha u ċara għal pajjiżna. Qal ukoll li Malta minn dejjem kienet, għadha u tibqa’ pajjiż ta’ kwalità. 

Ekonomija

Sport