Wednesday, April 24, 2024

Grech jgħid li l-prezzijiet qed jogħlew għax il-PM qed jiskuża l-għoli tal-prezzijiet minħabba l-gwerra

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt intervista fuq Net FM, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern qegħdin jiskużaw iż-żieda fil-prezzijiet minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Grech tkellem dwar messaġġi, imejls u ittri li jirċievi kontinwament minn ċittadini li jqabblulu l-prezzijiet. Semma każ ta’ tfajla li tista’ tixtri ħalib partikolari minħabba kundizzjoni partikolari ta’ saħħa. Qal li din tixtri ħalib li jiswa bejn €2 u €2.50. Kompla biex jgħid kif din it-tfajla qaltlu li ħassitha misruqa meta wara żmien tixtrih €2.45 u €2.55, sabet tixtrih b’€2.18 u li dan ifisser li kienet qiegħda tinsteraq mal-40 ċenteżmu għax anke dak li jbigħ il-ħalib €2.18 irid jaqla’ xi ħaġa. Grech sostna li kulħadd għandu dritt li jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar u li jaspira li jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar u għalhekk l-ebda abbuż m’għandu jiġi aċċettat.

Grech ma naqasx milli jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Air Malta u qal li bħalma apprezza kull meta l-gvern għamel xi ħaġa tajba, jemmen li l-gvern qatt ma kellu pjan kif isalva l-linja nazzjonali tal-ajru. Huwa saħansitra qal li dan seħħ għax il-gvern abbanduna pjan li l-Unjoni Ewropea kienet approvat fi żmien gvern Nazzjonalista. Huwa kompla biex jgħid li ilu xhur jipprova jikkomunika mal-Prim Ministru biex jikkonsulta miegħu dwar il-ħatra tal-Ombudsman u l-Kummissarju tal-Istandards u skontu baqa’ mingħajr risposta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar is-suċċess tal-klabbs tal-futbol lokali li rnexxielhom javvanzaw f’kompetizzjoni internazzjonali bħala hija l-Uefa Europa Conference League, b’mod speċjali lil Ħamrun Spartans li rnexxielhom jgħaddu għall-playoffs. Grech qal li l-isport kollu għandu jkun opportunità li minnha kull atleta li jixtieq jagħmel karriera mill-isport ikun jista’ jagħmlu dan.

Sport