GREE Żurrieq Wolves Hotsticks bdew l-avventura tagħhom fil-Euro Hockey Club Challenge II b’mod pożittiv meta spiċċaw fi draw ta’ 5-5 kontra Soroksari HC f’logħba bilanċjata għall-aħħar.
Żurrieq urew reżiljenza kbira tul il-logħba kollha u dejjem irrispondew għall-avversarji tagħhom li kienu fil-vantaġġ. Fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultat ta’ draw kien l-iktar wieħed ġust għal dak kollu li għamlu ż-żewġ timijiet.
Il-plejer żagħżugħ Gary Bonnici ipproduċa wirja kbira u inkurunaha b’żewġ gowls, l-istess kif għamel Christ Agius. Alessandro Amore żied ieħor għat-tim tiegħu.
It-tim Ungeriż kellhom lil Adam Losonci jiskorja żewġ gowls filwaqt li Jacob Wiedmer, Dániel Garabics u András Hortobágyi wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Żurrieq lagħbu b’din il-formazzjoni: Aaron Spiteri (GK), Xylon Cassar, Luke Brincat, Charlo Sammut, Stefano Schembri, Alessandro Amore, Gary Bonnici, Daniel Ellul, Kyron Carabott, Lukas Plaehn, Keith Scicluna, Benjamin Johnston, Jayden Cutajar, Alexander Anthoine, Christ Agius (C), Nicolai Runza, Kieran Borg u Thomas Attard (GK).
Sadanittant illum Żurrieq jilagħbu t-tieni logħba tagħhom minn Pool B meta fis-1.15pm jaffaċċjaw lil HC Siauliai tal-Litwanja.

