Wednesday, February 26, 2025

GREENET- Proġett li jħares lejn is-sitwazzjoni ambjentali preżenti u t-triq ‘il quddiem

Aqra wkoll

GREENET huwa proġett li jħares lejn  lejn użu ta’ enerġija alternattiva, il-ħarsien tal-ambjent u l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-UE dwar it-tibdil fil-klima biex ikun hemm tranżizzjoni ġusta li tipproteġi lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem.

Il-Patt Ekoloġiku tal-UE huwa pjan ambizzjuż li għandu l-għan li jagħmel l-ekonomija tal-UE sostenibbli billi jbiddel l-isfidi klimatiċi u ambjentali f’opportunitajiet. 

Madankollu inizjattivi trasformattivi bħal dawn jistgħu jqanqlu diversi biżgħat u tħassib fost in-nies, fosthom dawk relatati mal-impatt ekonomiku, is-sigurta tal-energija, l-inugwaljanza soċjali, sfidi meta jkunu se jsiru ċerti implimentazzjonijiet, l-impatt personali.

F’konferenza ġewwa l-Workers’ Memorial Building tħabbru r-riżultati tar-riċerki li saru fuq Malta u madwar l-Ewropa rigward it-tranżizzjoni lejn l-użu tal-enerġija alternattiva u l-impatt tagħha fuq id-dinja tax-xogħol. Riċerki li jagħmlu parti mill-proġett Greenet, iffinanzjat mill-UE.

Proġett immexxi mit-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi bir-riċerki magħmula minn Dr Joe Gravina u Dr Daniel Gravino. L-idea ta’ dan kollu hi li jkollna Ewropa soċjali għal tranżizzjonijiet ġusti fid-dawl tas-sitwazzjonijiet attwali u antiċipati li jaffettwaw is-sigurtà tal-enerġija fl-Ewropa.

L-imsieħba tal-proġett, kemm trejdjunjins kif ukoll organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem minn Malta, il-Polonja, Slovakkja, Spanja, Portugall, Maċedonja ta’ Fuq, Serbja, Turkija, Bulgarija, Estonja u Litwanja bil-parteċipazzjoni ta’ ETIC, IndustriALL u Business Europe inġabru sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali transettorjali fis-setturi tal-industrija, l-enerġija u t-trasport u jkollhom impatt fuq id-djalogu soċjali Ewropew.

GREENET għamlet riċerka transnazzjonali f’għaxar pajjiżi, b’taħriġ, laqgħat konsultattivi u workshops nazzjonali bl-appoġġ tal-Istitut tal-Affarijiet Pubbliċi u tħejjew ukoll linji gwida għal min iħaddem u t-trejdjunjins u rapporti dwar ix-xejriet. 

Dan il-proġett huwa konformi mat-13-il proposta leġiżlattiva li għandhom l-għan li jallinjaw il-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija mal-miri klimatiċi ġodda stabbiliti mil-Liġi dwar il-Klima adottata reċentement u n-newtralità klimatika sal-2050. GREENET  itratta wkoll il-ħsieb mill-ġdid u t-twaqqif tal-miżuri ta’ djalogu soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni ta’ REPowerEU u politiki oħra ta’ Green New Deal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport