Ġunju ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 19.2% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel. Matul ix-xahar imsemmi f’Malta waslu 350,910 turist. Dan ħareġ minn rapport li ġie ppubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
Il-maġġorparti tat-turisti, jiġifieri 325,940 ġew Malta bħala btala. Dan filwaqt li kien hemm 13,333 turist minn dawk li waslu f’Malta f’Ġunju li ġew għal raġunijiet taʼ xogħol.
L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena li kien jammonta għal 40.6%; warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-45 u l-64 sena li kienu jammonta għal 26.9%.
Ir-rapport jgħid li turisti mir-Renju Unit, mill-Italja u minn Franza kienu jammontaw għal 46.4% tat-turisti kollha li waslu Malta.
Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ tal-iljieli mqattgħin Malta telaʼ bʼ18.2%, u qabeż iż-2.3 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli li jammontaw għal 85.7% kienu mgħoddijin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija.
L-NSO tirraporta li fʼĠunju 2024, in-nefqa sħiħa tat-turisti kważi laħqet it-€333.7 miljuni, li hija żieda taʼ 16.5% fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat €145.0
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 218,004, jew 62.1% tat-turisti kollha.