Monday, May 25, 2026

Ġurnata memorabbli għal Qormi Daikin u GREE Żurrieq Wolves Hotsticks

Aqra wkoll

Iċ-champions tal-hockey Malti Qormi Daikin għaddew għall-finali tal-Euro Hockey Club Challenge 1 hekk kif fis-Slovenja huma għelbu lil Vinitsa tal-Ukrajna 3-2.

Kienet logħba ferm intensiva li ironikament laħqet il-qofol tagħha fl-ewwel quarter meta ġew skorjati l-gowls tal-partita.

Denis Kusiaka u Dmytro Drozhenko taw vantaġġ doppju lill-Ukreni għalkemm it-tim Malti kellhom ideat oħra u għamel rimonta inkredibbli wara doppjetta ta’ Tommy Kok u gowl ieħor ta’ Julian Zahra.

Fil-quarters ta’ wara, Vinitsa ippruvaw jidħlu għal darb’oħra fil-partita iżda apparti li Qormi ddefendew tajjeb, bdew itellgħu ukoll kontrattakki perikolużi u kellu jkun il-goalkeeper Iaroslav Hordey li salva lit-tim tiegħu.

Peress li OlimpiaVinnitsa tilfu ż-żewġ logħbiet li lagħbu, Qormi awtomatikament għaddew għall-finali minħabba li l-ewwel u t-tieni tim fil-grupp jagħmluha għal din il-logħba tant importanti.

Illum it-tim immexxi minn Andre Ghio jilgħab it-tieni logħba kontra Predanovski u tibda fil-4.45pm.

Anke GREE Żurrieq Wolves Hotsticks kisbu kwalifikazzjoni drammatika għall-finali tal-EuroHockey Club Challenge II li qed issir f’Toruń, il-Polonja.

Il-gowl kruċjali ta’ Gary Bonnici fil-55 minuta kontra Grammarians ta’ Ġibiltà kien deċiżiv sabiex it-tim Malti kiseb punt bonus importanti minkejja t-telfa ta’ 2-1. Dak il-gowl spiċċa biex għamel differenza enormi fil-klassifika finali tal-grupp.

Grammarians ikkonfermaw l-ewwel post fil-grupp wara li marru żewġ gowls minn fuq permezz ta’ Jyan Duo u Ethan Balban. Madankollu, il-gowl lejn l-aħħar ta’ Bonnici ta tama ġdida lil Żurrieq Wolves Hotsticks u finalment wassalhom għall-kwalifikazzjoni.

Fi tmiem il-fażi tal-gruppi, Żurrieq Wolves Hotsticks, Soroksári tal-Ungerija u HC Šiauliai tal-Litwanja spiċċaw kollha bl-istess ammont ta’ punti u bl-istess differenza ta’ gowls. Barra minn hekk, kemm Żurrieq kif ukoll Soroksári kellhom rekord identiku ta’ seba’ gowls skorjati u tmien gowls maqlugħa.

Kien għalhekk li l-kwalifikazzjoni ġiet deċiża bin-numru ta’ field goals, kriterju li mar favur it-tim Malti sabiex kiseb post fil-finali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport