L-aħbar li xxandret it-Tlieta li għadda, li nġiebet Malta għall-kura tifla ċkejkna li sfat midruba gravi f’saqajha f’attakk Iżraelit f’Gaża, hija turija ta’ kemm il-Gvern Malti jaf ikun solidali mal-batut. Din mhix l-ewwel li Malta ospitat persuni, fosthom nisa u tfal, li kienu għaddejjin minn tbatijiet kaġun ta’ kunflitti li huma ma kellhom xejn x’jaqsmu magħhom.
Il-qalb tajba tal-poplu Malti rajnieha wkoll mhux biss f’dak li qed jiġri bħalissa f’Gaża, imma wkoll fl-għajnuna li ngħataw familji Ukreni fil-gwerra li għaddejja wara l-invażjoni Russa li ilha għal dawn l-aħħar sentejn.
Malta ma tatx biss għajnuna medika imma wkoll għajnuna materjali li ttaffi xi ftit mit-tbatija li huma għaddejjin minnha dawn in-nies. Fil-każ tat-tifla Saleh, din setgħet tinġieb Malta permezz ta’ sforzi kollaborattivi bejn l-Ambaxxata Palestinjana f’Malta u l-Gvern Malti.
Għalhekk aħna nistmerru xi kummenti negattivi u bla sens li saru fil-konfront tal-fatt li din it-tifla nġiebet f’pajjiżna għall-kura, fejn saħansitra kien hemm min ikkummenta li din kienet biss mezz ta’ pubbliċita’ u ‘show’. Aħna nemmnu li fejn tidħol il-kura għall-mard jew xorta oħra ta’ nies innoċenti fosthom tfal u nisa m’għandu jkun hemm l-ebda sens partiġġjan.
U hawnhekk nistaqsu ‘l għala din it-tifla innoċenti ma kellhiex tingħata l-kura f’pajjiżna, kif kien hemm min ikkummenta. Malta dejjem serviet bħala strument ta’ paċi u dan jitfa’ fuq pajjiżna r-responsabbilta’ li aħna nkunu solidali ma’ min ikun għaddej minn sitwazzjonijiet u ċirkostanzi diffiċli f’ħajtu. Iktar u iktar jekk dawn iċ-ċirkostanzi ma jkunx responsabbli huwa nnifsu għalihom.
Għalhekk, nemmnu li din l-għajnuna għandha tibqa’ tingħata mingħajr ebda ekwivoku lil min ikun bżonnha, anke jekk il-vittmi ma jkunux Maltin. B’hekk, Malta tkun qed tpoġġi fil-prattika l-vokazzjoni tagħha li tgħin lil min ikun fil-bżonn.
Ir-reputazzjoni tal-poplu Malti bħala ġens ħanin għandna nkomplu nseddquha u nuruha mhux biex niftaħru biha imma għaliex inħossu li hekk huwa d-dmir tagħna. Wara kollox, dak li nagħmlu ma’ ħaddieħor, ħaddieħor xi darba jista’ jagħmlu magħna wkoll.