Iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv ġdid bejn il-General Workers’ Union u l-Malta Gaming Authority, li jkopri l-perjodu minn Jannar 2026 sas-sena 2030 jinkludi l-gradi kollha fi ħdan l-Awtorità, minn rwoli speċjalizzati, inspectors u impjegati fil-qasam amministrattiv.
Il-Ftehim jirrappreżenta pass importanti kemm għall-MGA kif ukoll għall-GWU, u jsaħħaħ aktar ir-relazzjoni industrijali bejn il-partijiet. Dan huwa riżultat ta’ proċess ta’ negozjati intensivi, li fih il-membri ngħataw smigħ u rappreżentanza sħiħa, u li finalment wassal għal qbil li jirrifletti l-aspettattivi u l-bżonnijiet tagħhom.
Il-Ftehim jindirizza mhux biss żidiet fil-pagi bażiċi, iżda wkoll l-introduzzjoni ta’ allowances ġodda li jirrikonoxxu l-valur, il-kompetenzi u l-kontribut professjonali tal-impjegati, kif ukoll titjib f’allowances eżistenti. Barra minn hekk, jistabbilixxi qafas aktar ċar għall-progress fil-karriera u jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benefiċċji għall-ħaddiema, sabiex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol stabbli, protett u valorizzat.
Is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi Riccarda Darmanin irringrazzjat lill-maniġment tal-MGA, lir-rappreżentanti tal-IRU, lir-rappreżentanti tal-impjegati u lill-assistenti involuti kollha għall-mod professjonali, matur u kostruttiv li bih saru n-negozjati. Qalet li din il-kollaborazzjoni pożittiva twitti t-triq għal relazzjoni industrijali aktar b’saħħitha, produttiva u sostenibbli għall-futur. Filwaqt li awgurat kull suċċess lill-ħaddiema u lill-partijiet kollha involuti.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti s-Segretarju Permanenti Godwin Mifsud, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri, il-President tal-GWU Jason Deguara, l-Assistent Segretarju tat-Taqsima Cynthia Schembri, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Charles Mizzi, iċ-Chief Operations Chris Formosa u uffiċjali tal-IRU), rappreżentanti tal-impjegati u ħaddiema.

