Tuesday, May 26, 2026

Irridu ningħaqdu ponn wieħed bħala pajjiż biex nieħdu lill-pajjiżna fil-livell li jmiss

– Il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qiegħed jindrizza attività politika f’Ħaż-Żabbar

Aqra wkoll

“Irridu ningħaqdu ponn wieħed bħala pajjiż. Ilkoll flimkien. Biex nieħdu lil Għawdex u Malta fil-livell li jmiss. Il-prosperità ġdida ta’ ġensna. Jien nemmen fikom. Emmnu fija. Emmnu fi sħabi. F’Tim Malta. Intom Malta u Malta intom. Int Malta, il-ħolma tiegħek, il-proġett tagħna.”

Hekk iddikjara l-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela waqt li kien qiegħed jindrizza attività politika f’Ħaż-Żabbar bħala parti mill-kampanja elettorali.

Il-Prim Ministru quddiem folla sabiħa ta’ nies tenna li sakemm il-poplu jibqa’ warajh u ma hu se jaqta’ qalbu qatt u se jkompli jmexxi lil dan il-pajjiż ‘il quddiem.

Dr Robert Abela qal li l-poplu Għawdxi u Malti huma s-saħħa tiegħu hekk kif kull lokalità li jżur, iħoss ir-rieda tan-nies li jridu l-aħjar għal pajjiżna. Dan hekk kif minkejja diversi sfidi, Malta dejjem baqgħet b’saħħitha.

“U ara taħsbu li xi darba qtajt qalbi f’dan iż-żmien kollu. Qatt. Sakemm tibqgħu warajja ma naqta’ qalbi qatt. Anzi naħdem aktar u aktar. Għax intom Malta. U Malta intom. Bħalkom jien inħobb lil Malta. U għalhekk għal Malta lest nagħmel kollox,” kompla jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

F’Ħaż-Żabbar il-Prim Ministru tenna li minkejja l-isfidi kollha li ffaċċja Gvern Laburista u anke minn meta ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, xorta waħda l-Gvern irnexxielu jibni l-aqwa magna ekonomija fl-Ewropa tant li spiċċa l-aktar pajjiż mill-Unjoni Ewropea kollha li ħoloq impjiegi li minnhom gawdew il-familji kollha.

Qal li fl-eqqel ta’ kull kriżi globali, iċ-ċertifikati għal Malta baqgħu ġejjin. Kien hawn li l-Prim Ministru qal li b’dan kollu toħroġ id-differenza bejn iż-żewġ partit politiċi fil-pajjiż. Qal li wieħed għandu jiftakar x’kien qiegħed jgħid il-Partit Nazzjonalista fejn kien jgħin lin-nies li Gvern Laburista ma jistax jibqa’ jagħti s-sussidji lill-familji Għawdxin u Maltin.

Dr Abela fakkar x’kien jgħid il-Partit Nazzjonalista fejn dejjem kien jgħid li jekk jgħolew il-prezzijiet barra jogħlew f’pajjiżna wkoll. Iżda, “aħna bqajna magħqudin u stajna dejjem inkompli għaddejjin minkejja kull sfida internazzjonali li ffaċjat id-dinja fl-aħħar snin,” tenna l-Prim Ministru.

Il-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar l-IVF, li l-Kap Nazzjonalista Alex Borg l-ewwel ivvota kontra fil-Parlament, u issa fil-kampanja elettorali qal li hu qatt ma kien kontra l-IVF.

“Tafu kemm paġni hemm fil-programm elettorali tal-PN fuq l-IVF? Xejn. Mank waħda. Tafu kemm paġni hemm fuq d-delizzji tradizzjonali, bħall-kaċċa u l-insib? Xejn. Mank waħda. Għalfejn ma semmewhomx? Ifhmuni sewwa meta ngħid tieħdu xejn for granted. Jekk tridu tibqgħu tgawdu dak li għandkom u anzi tgawdu aktar agħtu l-fiduċja lil min jarakom prijorita u jinkludi proposti u mhux min baħħ assolut,” kompla jgħid il-Prim Ministru u mexxej Laburista Dr Robert Abela.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru rrefera għal ħafna miżuri u proposti li jekk il-Partit Laburista jerġa’ jingħata l-fiduċja se jkun qiegħed jimplimenta fil-ħames snin li ġejjin.

Ewlenin fosthom huma l-pensjonanti li se jieħdu ħamsin ewro fil-ġimgħa żieda, fost diversi inġustizzji li bdew taħt Gvern Nazzjonalista. Sadanittant, tkellem dwar kif mill-ġuf, Gvern Laburista għandu l-aktar manifest ambizzjuż fl-istorja ta’ dan il-moviment li jibda mill-bonus tat-twelid li se jitla’ għal ħamest elef ewro, imbagħad il-ġenituri jistgħu jqattgħu l-ewwel sena ma wliedhom mingħajr ebda telf ta’ dħul. U wara tmienja u għoxrin ġranet ta’ leave aktar fit-tieni sena.

Fil-Year 1, il-Gvern jibda jfaddal għalik f’Individual Learning Account u jekk tkompli tistudja, l-istipendju se jitla’ bi ħmistax fil-mija u jekk tmur Erasmus tieħu elf ewro. Tibda l-ħajja professjonali u għall-ewwel tliet snin tkun tax hieles mit-taxxa sa tletin elf ewro fis-sena.

B’rabta mal-proprjetà, Dr Robert Abela sostna li mhux se jħallik waħdek b’ammont kbir ta’ miżuri biex tixtri l-ewwel dar u anka tkabbar. Tenna li Gvern Laburista se jkun miegħek ukoll anke f’mumenti ta’ sfida. Jekk uliedek ibatu minn diżabiltà jew minn xi kundizzjoni newrodiverġenti, il-piż finanzjarju tat-terapija se jkun f’idejn il-Gvern.

Dan minbarra li kull sena li taħdem se tieħu elf ewro super bonus. Bid-differenza sostna li Partit Laburista għandu pjan ċar li permezz tiegħu l-ħolma tiegħek se ssir il-proġett tagħna biex ħajtek tkun isbaħ eħfef u aħjar.

Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu billi qal li l-futur u d-direzzjoni ta’ pajjiżna ma tiġix deċiża bis-surveys imma tiġi deċiża bil-vot fit-30 ta’ Mejju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport