Tuesday, May 26, 2026

“Mhux talli ma nbidlux… qatt ma naf PN u nies jappoġġjawh daqstant iddisprati u bla skrupli”

- Kevin Drake, persuna li snin ilu kien parti mill-PN

Aqra wkoll

“Idejja fuq qalbi, li mhux talli ma nbiddlux għall-aħjar, iżda qatt ma naf il-Partit Nazzjonalista u n-nies li jappoġġjawh daqstant iddisprati, ħorox, bla skrupli ta’ xejn, iddiżastrati u kapurjuni tal-konfużjoni, kaos u kuntradizzjonijiet.  Ikolli nżid kattiverja pura wkoll.”

Dan iddikjarah Kevin Drake, li ammont ta’ snin ilu kien jokkupa karigi għoljin. Serva fil-midja tal-Partit Nazzjonalista fis-snin disgħin u fiż-żmien meta Gvern Nazzjonalista kien għaddej b’kampanja qawwija biex Malta ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt hu kien jokkupa l-karigi ta’ eks Manager tal-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista Radio 101, kien eks membru tal-grupp ta’ strateġija tal-Partit Nazzjonalista u parti mit-tmexxija ta’ diversi kampanji għall-Partit Nazzjonalista.

Drake spiċċa attakkat b’mod qawwi fl-aħħar minħabba kumment li għamel dwar il-proposta tal-Metro tal-Partit Nazzjonalista.

Kummenti li għalihom Drake ma naqas li jikkummenta u jwieġeb. Fi kliemu stess: “tellajt post b’paragun bejn il-proposta tal-Metro tal-PN u eżempju tal-aħħar estenzjoni tat-Tube f’subborg ta’ Londra, estenzjoni ta’ 3.2 kilometru biss, li dam sitt snin u sewa €1.3 biljun.  Hemm sit, ma niftakarx x’jismu, li jaqbad posts ta’ nies varji u jtellagħhom għall-għarrieda, b’ritratti meġudin fuq Facebook. Kif ftaħt Facebook sibt xi 250 kumment.  Forsi kien hemm xi għoxrin. Jew tletin bis-sens, u l-bqija mewġa tkexkxek ta’ insulti, theddid, tgħajjir li ilni ma nisma’ bħalu s-snin. Qabduli mal-mard kroniku li nbati bih, aktar insulti ta’ kull xorta u għamla u nibqgħu sejrin hekk.  Sfortunatament m’għandix ġildti xierfa kemm nixtieq, u bosta minn dawn il-kummenti mimlijin Ħdura pura u injuranza ppattentjata dejquni u mhux ftit, speċjalment kummenti żobiċi u personali minn xi wħud li ilni s-snin nafhom u li qatt ma kelli xejn ħlief rispett għalihom.”

Kevin Drake ikompli  li “Imma!  Jekk hemm xi ħadd li jsegwi xi posts tiegħi jaf li nista’ nkun aħrax fil-kritika tiegħi, imma qatt ma nżeffen l-individwi fin-nofs, saħansitra dawk li nqishom persuni li jimbuttawni gġal bosta ragunijiet.  Is-sabiħa hi li l-biċċa l-kbira minn dawn il-gwerrieri tal-keyboard anqas ideja m’għandhom ta’ minn liema għarbiel għaddewni tul is-snin. Kemm ivvindikaw rwieħhom miegħi appena bdejt nitqarreb lejn il-Partit Laburista xi 16 il-sena ilu, grazzi gĦal Joseph Muscat.  Li ma jafux ukoll li irrizenjajt minn xogħli u minn kull kariga li kelli fil-Partit Nazzjonalista, u bil-banda wkoll, 26 sena u nofs ilu.”

“Ili nimmilita fil-Partit Laburista għal ‘lfuq minn 16-il sena, jiġifieri mill-Oppożizzjoni, u indirizzajt l-ewwel attività tal-Labour fis-sena 2012.  M’għandix għalfejn nagħti rendikont lil ħadd, wisq anqas lil dawk il-gdur krudili u sadiċi li jbiċċruk mingħajr ma jafu xejn dwarek.  Madankollu jien naf ħafna dwarhom u dwar dawk li ġew qabilhom, u nista’ ngħid, idejja fuq qalbi, li mhux talli ma nbiddlux għall-aħjar, izda qatt ma naf il-Partit Nazzjonalista u n-nies li jappoġġjawh daqstant iddisprati, ħorox, bla skrupli ta’ xejn, iddiżastrati u kapurjuni tal-konfużjoni, kaos u kuntradizzjonijiet.  Ikolli nżid kattiverja pura wkoll.  U dawn jippretendu li qed jiġbdu lura n-nies lejhom!!  U tgħid mhux hekk.  L-aktar meta dak li jkun tkomplu tqattgħuh biċċiet u bla ħniena, thedduh u tinsultawh b’kull mod immaġinabbli sempliċiment għax dak li jikteb (fattwali) u dak li jgħid ma jdoqqx għal widnejhom, diġa’ miżdudin bit-tappijiet.”

Itenni li “r-riżultat aħħari?  Determinat aktar minn qatt qabel li nagħmel minn kollox u bil-qalb sabiex nassiguraw it-tkomplija ta’ gvern Laburista li, tammettih jew le, fisser ‘l fuq minn 13-il sena ta’ suċċessi kbar għal pajjiż u ġid bla qies li gawda minnu kulħadd – aħmar, blu, oranġjo, aħdar, vjola, isfar…. kulħadd, u speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.  U d-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza?  Staqsu lil kull min kien imwarrab u emarġinat mis-soċjetà għal daqstant snin mill-paladini tar-Religio et Patria, u kif sa fl-aħħar ingħataw id-dinjità u d-drittijiet li jistħoqqlu kulhadd, minn gvernijiet suċċessivi Laburisti.”

Jenfasizza li “insomma, jekk dawn l-individwi, ta’ Kattoliċi u ta’ Latini, ħasbu li se jgerrxuni… kemm ħadmitilhom bil-kontra!  Ħarrxuni aktar u aktar u mhux se nieqaf sekonda nistinka biex nikkonvinċi bil-fatti u l-kelma t-tajba lil dawk li għadhom b’xi dubji, sabiex imorru jivvutaw u jivvutaw għall-ġid tagħhom, ta’ familthom u tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, billi jagħtu l-fiduċja tagħhom lill-Partit Laburista.”

Jistħaq li “mill-bqija tistgħu tkomplu tgħajruni u thedduni u tivvilifikawni kemm tridu.  Għax tafu x’inhi l-ironija?  Xorta nibqa’ ngħożżkom u nħobbkom bħala ħuti Maltin u Għawdxin, u xorta waħda nixtiqilkom xejn ħlief ġid u futur mill-aqwa, futur li indubbjament ilkoll se tgawdu minnu, bħal f’dawn l-aħħar snin, taħt gvern ġdid Laburista.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport