Il-Pulizija għandhom rwol essenzjali fis-soċjetà ta’ pajjiżna. Ħidmet dawn l-uffiċjali hi importanti biex tinżamm il-bon ordni u l-paċi pubblika filwaqt li tkun infurzata l-liġi. Il-ħidma tagħhom tgħin biex iċ-ċittadini jgħixu f’ambjent aktar sigur u protett, filwaqt li tkompli tonqos il-kriminalità. Ta’ min isemmi li kuljum, l-uffiċjali tal-Pulizija jirrispondu għal emerġenzi, jinvestigaw reati, jipproteġu lill-vittmi u jieħdu azzjoni kontra kull min jikser il-liġi. Aspett importanti ieħor f’xogħlohom huwa l-preżenza tagħhom fil-komunità.
Permezz tal-Community Policing u inizjattivi oħra, il-Pulizija jkunu aktar qrib in-nies u jisimgħu t-tħassib tagħhom. Matul dawn l-aħħar snin, il-Gvern kompla jinvesti b’mod sostanzjali fil-Korp tal-Pulizija sabiex isaħħaħ is-sigurtà tal-pajjiż u jipprovdi lill-uffiċjali bl-għodod meħtieġa biex iwettqu xogħolhom bl-aħjar mod possibbli. Dan l-investiment qed isir kemm flinfrastruttura, fit-teknoloġija kif ukoll fir-riżorsi umani, biex il-Korp ikun aktar effiċjenti u kapaċi jindirizza l-isfidi moderni.
Investiment ieħor kien dak li ġie mħabbar filbidu ta’ din il-ġimgħa fejn il-Korp tal-Pulizija se jkun qiegħed jissaħħaħ b’sitt vetturi elettriċi ġodda li se jintużaw mill-Pulizija għall-komunitajiet għas-sigurtà f’diversi żoni turistiċi. Dawn il-vetturi ngħataw b’donazzjoni mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) u ġew iffinanzjati minn fondi li huma amministrati b’mod konġunt mill-MHRA, mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu.
Il-vetturi se joperaw f’Tas-Sliema, is-Swieqi, il-Kottonera, Marsaxlokk, Paceville u f’Għawdex. Dawn il-vetturi ġodda se jwasslu biex jissaħħaħ ir-rispons rapidu, jitnaqqsu reati marbuta matturiżmu u sabiex tissaħħaħ ir-relazzjoni malkomunità. Dan kollu jikkontribwixxi b’mod dirett għall-esperjenza tal-viżitaturi u għar-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni sikura u affidabbli.
Importanti wkoll l-investiment li sar filkundizzjonijiet tax-xogħol tal-Pulizija, inkluż titjib fil-pagi, l-allowances u l-benefiċċji li jirrikonoxxu r-responsabbiltà kbira li ġġorr magħha din ilprofessjoni. Dawn il-miżuri qed jgħinu biex il-Korp jattira aktar persuni lejn il-professjoni u jżomm livell għoli ta’ motivazzjoni fost l-uffiċjali.
Quddiem dan kollu, nemmnu li investimenti bħal dawn huma riflessjoni ta’ kemm il-Korp talPulizija qed ikomplu miexi ‘l quddiem. B’dan kollu, Malta se tibqa’ tgawdi minn livelli ogħla ta’ sigurtà, filwaqt li l-poplu Malti u Għawdxi jkompli jsaħħaħ il-fiduċja tiegħu fl-istituzzjonijiet li ta’ kuljum jipproteġuhom.

