Tuesday, May 26, 2026

PL imħejji sew għall-elezzjoni ġenerali… PN qagħad wisq fuq ’l hekk imsejjaħ “desktop exercise”– Dr Joseph Muscat

Aqra wkoll

F’intervista waqt il-programm “Bil-Fatti” fuq ONE TV, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li din il-kampanja elettorali wriet kemm il-Partit Laburista huwa mħejji sewwa ħafna għall-elezzjonijiet ġenerali, bil-mod programmat ta’ kif isiru l-affarijiet u l-ħsieb wara l-manifest elettorali tiegħu. 

Min-naħa l-oħra, Dr Muscat qal li l-Partit Nazzjonalista qagħad wisq fuq dak li jissejjaħ “desktop exercise”, fejn “kellu lil xi ħadd wara skrivanija li forsi jaf jiffilosofizza u t-teorija, imbagħad meta niġu għall-prattika kien nieqes minnha.” 

Dr Muscat qal li filwaqt li l-PN ibbaża din il-kampanja elettorali fuq il-kunċett ta’ bidla, ma spjegax bidla għaliex. “Anke meta daħal biex jispjega filosofikament il-bidla għalxiex, waqa’ fin-nasba illi ħa żbalji, allura naqqas il-kredibilità,” qal l-eks Prim Ministru. 

Huwa rrikonoxxa wkoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu ftit żmien f’din il-kariga, iżda anke f’dak il-ftit żmien qal ħafna affarijiet li se jagħmel u m’għamel xejn minnhom. 

“Meta tgħid li se tagħmel Deputat Mexxej ġdid u podcast f’mitt jum, u ma jirnexxilekx tagħmilhom, kif jistgħu jemmnuk li se tagħmel train f’ħames snin?,” staqsa l-eks Prim Ministru. Dwar il-Partit Laburista, Dr Muscat qal li għoġbitu ħafna l-idea li ressaq ’il quddiem fil-manifest elettorali – il-Ħolma Tiegħek, ilProġett Tagħna. 

“Naħseb dik xi ħaġa li qabdet man-nies. Inti qed toħlom xi ħaġa u l-Gvern qed iwettaqha. Huwa manifest ambizzjuż ħafna. Naħseb li biċ-ċirkostanzi tal-lum il-ġurnata fid-dinja anke li kieku stess il-Gvern qal semplċiment ħa nżommu li għandna u ntejbu xi ħaġa fuqhom, kien ikun qed jagħti ħafna aktar minn kwalunkwe Gvern ieħor.” 

Dr Muscat qal ukoll li l-punt li s’issa ma kienx hemm dik il-ħdura li kien hemm qabel fl-aħħar kampanji elettorali, huwa sinjal tajjeb u qawwi ta’ maturità miż-żewġ partiti poitiċi. 

“Naħseb il-fatt li ma kienx hemm attakki personali u wkoll ma kienx hemm it-tip ta’ attakki aktar negattivi, hi kampanja li ilu jadotta l-Partit Laburista b’mod konsistenti fl-aħħar elezzjonijiet. Nieħu pjaċir li qed jadottaha wkoll il-PN. Ma jfissirx li meta ngħidu ma jkunx hemmx attakki, ma jkunx hemm kritika bejn iżżewġ mexxejja. Kien hemm dibattiti pjuttost imqanqla. Imma qatt ma waqgħu fuq il-personali u l-affarijiet negattivi li konna nisimgħu qabel. Dan huwa breath of fresh air għal kulħadd.” 

Mistoqsi dwar in-numri, Dr Muscat qal: “il-kredibilità tagħna qiegħda fuq il-fatt li noħolmu fuq xi ħaġa u titwettaq. In-numri tridhom. L-emozzjoni tridha. Żgur li ma tistax tgħid li inti b’xi mod jew ieħor tista’ tieħu deċiżjoni mingħajr ma tikkalkula.” 

L-eks Prim Ministru żied jgħid li llum il-ġurnata bi Clyde Caruana hemm persuna oħra fit-tradizzjoni ta’ Ministri ta’ Finanzi ta’ Gvernijiet Laburisti li għandu kredibilità enormi. “Jekk Clyde jgħid xi ħaġa fuq in-numri, minbarra li jkun qed jikkalkula sewwa, in-nies jemmnuh mill-ewwel.” “Sfortunatament, minnaħa tal-PN m’hemmx counter-balance ta’ dan kollu,” qal Dr Muscat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport