Tuesday, May 26, 2026

Il-Partit Laburista ser jibqa’ t-tarka tal-ħaddiem

Omar Farrugia – Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi u Kandidat Laburista għall-5 u s-6 Distrett

Aqra wkoll

“Il-Partit Laburista ser jibqa’ t-tarka tal-ħaddiem li bata’ u stinka biex illum għandna pajjiż li lkoll ninsabu kburin bih”. Hekk stqarr is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia meta kien qed jindirizza waħda mill-aħħar attivitajiet tal-Kampanja Elettorali, rally mill-Partit Laburista fil-venda ta’ Ħaż-Żabbar.

Quddiem folla sabiħa, Farrugia beda biex fakkar l-għeruq tal-familja tiegħu, xi tbatija għaddew minnha meta kienu jaħdmu bis-servizz tal-karozzi tal-linja, partikolarment fuq il-linja ta’ Ħaż-Żabbar. Huwa qal li dan il-pajjiż inbena għax ta’ qabilna għamlu sagrifiċċji kbar. Il-valur tas-sagrifiċċju, qal Farrugia, huma l-valuri li jirrappreżenta l-Partit Laburista, jiġifieri il-valuri tax-xogħol, tad-dinjita liż-żgħir, il-valur tal-ġustizzja soċjali.

Issa l-Partit Laburista taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela qed juri li ser jibqa’ l-vuċi tal-ħaddiem, il-vuċi tal-pensjonant, il-vuċi ta’ min ma jaqtax qalbu. Il-Partit Laburista huwa l-partit li poġġa saqaf fuq ras iż-żgħir, il-partit tal-Perit Mintoff u l-partit li bena lil Malta ħielsa. Dawn il-valuri ser jibqgħu il-valuri ta’ għada.

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia fakkar x’qed jipprova jagħmel il-Partit Nazzjonalista billi jwiegħed kollox lil kulħadd billi jittanta jitfa’ l-bżar fl-għajnejn lejliet l-elezzjoni. Qegħdin jibgħatu għan-nies fid-Dar Ċentrali u jwegħduhom kollox. Anke għall-kaċċaturi u n-nassaba qed iwegħduhom li l-kaċċa se jieħdu ħsiebha wara li l-istess deputati tagħhom sa ftit ilu kienu jgħajjruhom.

Żied jgħid li issa qed iwegħdu metro u fl-istess waqt nies viċin Adrian Delia ħarġu fil-pubbliku jgħidu li dak li qed iwegħdu huwa diżastru għall-pajjiż.

Min-naħa tagħna, il-Partit Laburista qed iwegħdkom €1,000 super bonus costed u mahsub. L-għada ħarġu n-nazzjonalisti jgħidu li se jagħtu €1,200 u fil-costing marru żmerb b’€250 miljun. Fil-magħluq qed iwegħdu lin-negozjanti li se jagħmluhielhom faċli jġibu iżjed ħaddiema barranin u fil-beraħ jgħidu li jridu jnaqqsuhom.

Dan kollu qed iwassal biex il-kredibilita’ tal-Partit Nazzjonalista tinsab niezla bis-sekondi, saħaq Omar Farrugia. Huwa qal li l-Partit Laburista huwa differenti. Ma wiegħedx l-ilma jiżfejn jew kastelli fl-arja. Il-kredibilita li jgawdi l-Prim Ministru Robert Abela jaf biha kulħadd. Kulħadd jaf li meta ta l-kelma tiegħu li se jkun it-tarka tan-nies, huwa dejjem kien hemm, Kaptan f’baħar imqalleb li daħħal il-valpur ġol-port. In-nies qed jaraw x’dinja għandna bħalissa, pajjiżi li qed jiffaċċjaw problemi kbar.

Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela qed jipproteġi lil kulħadd minn dan il-mewg. Fit-tempesta tal-Covid, fit-tempesta tal-gwerrer, Robert Abela kien is-suldat tal-azzar taghkom. U issa wasal il-mument fejn il-Gvern tieghu, il-Partit Laburista jersaq quddiem il-poplu, u jitolbu l-fiduċja mill-ġdid.

Omar Farrugia appella lill-votanti biex ma jħallux lil haddiehor jiddeciedi ghalihom. “Thallux lil ħaddiehor jikteb l-istorja tagħkom. Ftakru li l-Partit Laburista qatt ma naqas lil Malta. Il-Partit Laburista se jibqa’ jkun it-tarka taghkom, ikun xi jkun il-maltemp hemm barra”.

Huwa temm jgħid li se jkun l-ewwel wiehed wara l-Prim Ministru Robert Abela ghax il-Partit Laburista huwa Partit maghqud u Gvern b’sahhtu għax għandu l-appoġġ tan-nies. Il-Partit Laburista twieled biex ikun it-tarka taz-zghir. Fakkar fil-kliem sabiħ tal-innu tal-Partit Laburista u appella lil kulħadd biex jissokta fil-ħidma mbierka li għandha twassal biex kulħadd joħroġ jivvota nhar is-Sibt ħalli r-rebħa terġa tkun tal-Partit Laburista.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport