Gzira Utd …..1
Naxxar L. …..0
Minn Cristian Muscat
F’konfront pjuttost medjokri u nieqes mill- emozzjonijiet, Gzira United kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Naxxar Lions f’partita li huma kienu territorjament superjuri u tattikament dixxiplinati.
Madankollu għalkemm il-Maroons kienu kemmxejn superjuri, anke f’dak li jirrigwardja pussess tal-ballun, wieħed ma jrid ineħħi xejn mill-mertu ta’ Naxxar li qatt ma wrew sintomi ta’ inferjoritá u ma kienu jisirqu xejn li kieku ħarġu mill-ground almenu b’punt.
Peró, kollox ma’ kollox il-partita qatt ma laħqet il-livell mixtieq.
Ta’ nota huwa l-fatt li l-Gżirjani rritornaw għar- rebħ wara nuqqas tliet ta’ logħbiet.
B’din it-telfa tal-Lions kompliet tixgħel il-bozza l-ħamra għalihom hekk kif jinsabu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika mingħajr l-ebda punt u jidher li l-futur tagħhom huwa miktub fuq il-ħajt.
Kien biss fit-18-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota ta’ din il-logħba bil-Maroons jingħataw penalty meta Thaylor Aldama, xeħet cross għan-nofs bil-player ta’ Naxxar, Maicon de Silva Souza, imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa.
Mill-11-il metru il-captain GABRIEL BOHRER MENTZ ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, biex tela’ fit-tieni post tal-aqwa skorers tal-Malta Premier b’10 goals fejn laħaq lil Luke Montebello u Franklin Sasere.
Fil-45 minuta eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Kayne Haber għal Naxxar ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper Taljan ta’ Gzira United, Giulio Mangano.
L-azzjoni sussegwenti waslet biss fl-64 minuta, b’Naxxar ikunu huma li joħolqu l-periklu meta xutt mid-distanza ta’ Laton intemm barra.
Il-partita kompliet bl-istess ritmu fejn iż-żewġ goalkeepers rispettivi ma ġewx impenjati bil-logħob ikun konċentrat f’nofs il-ground hekk kif Gzira komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem tal-partita.
GZIRA U.: 30-Giulio Mangano, 3-Gabriel Bohrer Mentz (47-Brooklyn Borg 50), 4-Joseph Marie Minala, 6-Andrew Borg, 7-Thaylor Aldama, 11-Lucas Macula, 17-Montell Shaquill, 18-Diogo Barbosa, 20-Stefan Denic (19-Manuel De Filippis 83), 22-Kurt Zammit, 93-Thiago Espindola – Coach: Giovanni Tedesco
NAXXAR L.: 1-Matthias Debono, 3-Nikolai Micallef, 4-Bacary Sane, 10-Edson Faras Cerqueira (31-Degran Jackson 83), 11-Tar Ndao, 13-Kayne Haber (7-Takuma Yamaguchi 55), 20-Laton, 23-Maicon De Silva Souza, 25-Fernando Barbosa Pereira, 33-Joao Vitor Moura Cardoso, 44-Ito Yasukaze (29-Jake Borg 55) – Coach: George Vella
REFEREE: Slobodan Petrovic
ASS. REFEREES: James Muscat, Paul Apap
RABA’ UFF: Philip Farrugia
SKORER: G. Bohrer Mentz 19 pen (GU)
AMMONITI: K. Zammit, L. Macula, J. M. Minala, A. Borg (GU), M. Debono, N. Micallef, J. V. Moura Cardoso (NL)