Tuesday, June 16, 2026

“Opportunità sabiħa li naħdem fuq inizjattivi li jġibuna flimkien”

- Fr Leslie Gatt, Provinċjal tal-Ordni Agostinjan (OSA) f’pajjiżna. Viċi President ġdid tal-Organizzazzjoni tal-Agostinjani Ewropej (OAE).

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu, il-Provinċjal tal-Agostinjani f’Malta, Fr Leslie Gatt OSA, ġie elett Viċi President tal-Organizzazzjoni tal-Agostinjani Ewropej (OAE) waqt il-laqgħa annwali tagħha li saret f’Ghent, il-Belġju.

Il-laqgħa ġabret flimkien Superjuri Maġġuri minn komunitajiet Agostinjani madwar l-Ewropa biex jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiffaċċja l-Ordni, b’enfasi partikolari fuq il-formazzjoni, ix-xogħol pastorali u aktar kooperazzjoni bejn il-provinċji.

Din il-ħatra għandha sservi bħala rikonoxximent tad-dedikazzjoni u s-servizz offrut mill-komunitajiet reliġjużi Maltin, kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta.

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Fr Leslie nnifsu li tana iktar dettalji.

Kif ġietek il-vokazzjoni biex issir saċerdot?

Nista ngħid li b’mod jew ieħor sa minn ċkuniti kont abbati u kont involut fl-attivitajiet tal-Parroċċa u minn hemm nibet fija l-ewwel xrar tas-sejħa għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali. Meta bdejt nikber mhux dejjem kienet daqshekk ċara u filfatt studjajt anke l-istudji Bankarji imma eventwalment il-Mulej baqa jinqeda b’ħafna ċirkustanzi biex jikkonferma dak li kont qed inħoss f’qalbi u provdieli anke persuni li għenuni nilqa’ s-sejħa tiegħu bil-ferħ.

U għaliex għażilt li tifforma parti lill-Ordni Agostinjan (OSA) bħala Saċerdot?

Jien mill-belt Valletta u kbirt fil-parroċċa Santu Wistin immexxija mill-patrijiet Agostinjani. Kien hemmhekk li ltqajt mal-figura ta’ Santu Wistin, mal-kariżma Agostinjana u ma diversi li ħassejt li bil-ħajja tagħhom kienu ta’ ispirizzjoni għalija.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Provinċjal ta’ dan l-Ordni f’pajjiżna.

Fi ftit kliem, li tkun Provinċjal ifisser li tissapportja l-ewwel u qabel kollox l-aħwa u l-ħajja tagħhom fil-komunitajiet rispettivi li għandna. Imbagħad tikkoordina anke r-realtajiet partikolari li nservu waqt li tanima proċess kontienwu ta’ dixxerniment biex naslu għal deċiżjonijiet importanti dwar il-ħajja tagħna kemm interna imma anke dik tal-ministeru pastorali tagħna. Barra minn hekk tara li żżomm relazzjoni tajba mal-knisja F’Malta li aħna nservu u mal-Ordni Agostinjan li minnu nagħmlu parti.

Niġu issa ghall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rwol il-ġdid tiegħek bħala Viċi President tal-Organizzazzjoni tal-Agostinjani Ewropej (OAE)?

Bħala Agostinjani aħna nagħmlu parti minn struttura internazzjonali li tinfirex f’madwar hamsin pajjiż madwar id-dinja. Apparti l-amministrazzjoni ċentrali tal-Ordni f’Ruma, kull kontinent għandu strutturi li jgħaqqduna flimkien bħalma hija l-Organizzazzjoni tal-Agostinjani tal-Ewropa li tagħha ġejt elett bħala viċi president.

Għalija hija opportunità sabiħa li naħdem fuq inizjattivi li jġibuna flimkien u jippromwovu diskussjoni dwar issues simili għall-pajjiżi Ewropej, koordinazzjoni ta’ proġetti komuni u qsim ta’ riżorsi, partikolarment f’dinja li qed issir dejjem aktar globalizzata.

Min hu Kristu ghalik?

Kristu huwa dak li fih isib is-sens dak kollu li jien għażilt li ngħix fil-ħajja tiegħi. Huwa dak li ġie jwasslilna l-imħabba ta’ Alla l-missier u fih insib lil Alla li kontinwament iħobbni. Fuq kollox huwa dak li jispirani fis-sejħa li hu stess għamilli u jien għażilt li ngħix permezz tal-Kunsilli Evanġeliċi li hu għex qabilna fil-milja tagħhom.

Kemm taspira li tkun Kristu ieħor bhala saċerdot?

Fil-ħajja allaħares ma naspirawx li nixbħu lil Ġesú! Kemm jirnexxielna huwa mbagħad diskors ieħor u aħna lkoll għandna l-limitazzjonijiet tagħna. Imma minn naħa tiegħi inħoss li kemm bħala reliġjuż u anke bħala Saċerdot nipprova nagħmel li nista biex inwassal lilu, jew biex permezz tiegħi in-nies jiltaqgħu ma Ġesu. Imma żgur li mhix missjoni faċli!

X’jogħġbok u xi jbezzgħek fil-ħajja saċerdotali?

Xi ħaġa li tagħtini ħafna ferħ f’qalbi hija l-fatt li permezz tal-ministeru saċerdotali tiltaqa’ ma ħafna nies li jsibu fik kelma ta’ faraġ jew imqar widna biex jaqsmu l-uġigħ u l-ferħ tal-ħajja. Bl-istess mod ibeżżani anke l-fatt li kultant ninħlew jew ninħela anke jien fuq realtajiet jew ċirkustanzi li jkunu verament trivjali quddiem it-toqol veru tal-ħajja, fejn aħna verament imsejħa biex inwasslu kontinwament lil Ġesu.

Ma tistax xorta tagħmel il-ġid fis-socjetá u tiżżewweg jew tibqa’ ġuvni. Hemm bżonn issir qassis? X’jagħmel lill-qassis differenti?

Naħseb li lil hinn mid-dimensjonijiet tal-Maġisterju tal-Knisja f’dan ir-rigward, dak li jagħmel lis-saċerdot bniedem differenti huwa l-fatt li jista’ jinagħta għal kulħadd kontinwament. Waħda mill-kwalitajiet sbieħ tagħna, f’konfront ma professjonisti oħra, hija dik li nistgħu nagħtu l-ħin tagħna bla ħlas lil dawk li jfittxuna. F’dinja fejn kollox jiġi kkalkulat bi prezz, din hi xi ħaġa li tiddistingwi anke l-għotja tagħna.

Xtaqt ikollok familja tiegħek jew għażilt li ssir saċerdot għax tibża’ mill-fatt li jkollok familja?

Kieku xi ħadd jagħżel li jsir saċerdot għax jibża’ mill-fatt li jkollu familja, fil-fatt probabbli anqas is-sejħa veru għall-ħajja reliġjuża jew saċerdotali ma jkollu. Is-sejħa għall-ħajja miżżewwġa hija anke sejħa sabiħa li l-knisja tapprezza u li permezz tagħha n-nisrani huwa msejjaħ biex iwieġeb anke għal dak li Alla jrid minnu. Kull għażla tfisser ukoll li wieħed jagħżel ħaġa u allura jkollu jirrifjuta xi ħaġa oħra bis-sabiħ kollu tagħha. Fil-kas tiegħi ħassejt li l-Mulej kien qed isejjaħli għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali u ma jiddispjaċinix.

X’inhu r-rwol ta’ saċerdot fis-soċjetà tal-lum? Min hu s-saċerdot?

Is-saċerdot huwa bniedem bħal kulħadd bil-kwalitajiet sbieħ u bid-djufijiet tiegħu, li l-Mulej isejjaħlu biex jimxi warajh aktar mill-qrib u permezz ta’ dan l-impenn ifittex li jwassal lilu lill-oħrajn. Jekk hemm xi ħaġa li s-soċjetà tagħna tant għandha bżonn hija t-tama ta’ Ġesu u tal-Kelma tiegħu. Is-saċerdot huwa msejjaħ biex jagħmel li jista’ kontinwament ħalli jwassal din it-tama.

Għaliex taħseb li tant żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-Knisja jew is-saċerdot jew għad hawn żgħażagħ li jfittxu l-bżonn tal-Knisja u s-saċerdot fil-ħajja tagħhom?

Qaddisin kbar bħal Santu Wistin, anke jekk għexu fi żminijiet oħrajn, juruna li sa minn dejjem il-bniedem fittex dak li jagħtih sodisfazzjoni, dak li jagħtih ferh, dak li jgħinnu jħossu tajjeb.. Dan kollu Santu Wistin sabu meta sab lil Ġesú! Illum aktar minn qatt qabel, id-dinja toffri tant ċirkostanzi fejn iż-żagħżugħ jista jimraħ u jieqaf xi kultant ‘il bogħod mill-esperjenza ta’ Alla. Il-Knisja hija magħmula minn bnedmin bħalna u kultant forsi bid-dgħjufija tagħna mhux dejjem konna xbieha sabiha ta’ dan kristu li fih aħna komunita li temmen. Fil-ħidma tiegħi, ferħan li ltqajt ma ħafna u ħafna żgħażagħ li fil-fond ta’ qalbhom nara dejjem ix-xewqa għat-tajjeb u għal Ġesu, anke jekk xi drabi ma sibuhiex faċli biex jesprimu dak li hemm ġo fihom. Is-sabiħ tal-Knisja huwa l-għaqda ta’ dawn kollha flimkien!

Għaliex għandna bżonn is-saċerdot illum il-ġurnata?

Is-saċerdot huwa biss għodda f’idejn il-Mulej biex jibqa jwassal il-preżenza tiegħu permezz tax-xhieda u tal-ministeru afdat f’idejh. Il-grazzja tas-sagramenti tantni r-ruħ tan-nisrani li jixxennaq għal Ġesu u fih isib il-veru mistrieħ ta’ qalbu. F’dan is-sens is-saċerdot jaqdi rwol mill-isbaħ.

Għaddi messaġġ finali lil min qed iħoss is-sejħa saċerdotali iżda qed jibża’ jwieġeb għaliha.

Is-sejħa hija minnha nfisha misteru u mhix xi ħaġa li wieħed ser jiskopriha mil-lum għal għada. L-istess biża jew mistoqsija hija minnha nfisha żerriegħa li tista tikber u allura jalla kull żagħżugħ jew żagħżuha jsibu l-kuraġġ li jibqgħu ifittxu u li jitkellmu ma xi ħadd li jista’ jgħinhom jagħrfu aħjar dak li hemm f’qalbhom. Fuq kollox jitolbu dejjem il-Mulej idawwalhom tkun xi tkun is-sejħa li qed jagħmlilhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport