Erbat irġiel barranin ġew arrestati f’żewġ każijiet separati b’rabta ma’ allegat traffikar tad- droga f’San Ġiljan u allegat kultivazzjoni illegali ta’ pjanti tal-kannabis fin-Naxxar.
L-ewwel arresti saru l-Ħadd filgħaxija, wara li l-Pulizija kienu infurmati li fl-inħawi ta’ Triq San Ġorġ, San Ġiljan, allegatament kien qed isir traffikar ta’ droga. Hekk kif marru mill-ewwel fuq il-post, il-Pulizija identifikaw liż-żewġ individwi ta’ 24 sena u 30 sena, it-tnejn mis-Somalja. Minn tfittxijiet li saru fuqhom instabu madwar 30 qartas b’sustanza suspettata kokaina, eroina u kannabis.
Intant, it-Tnejn filgħodu, raġel ta’ 27 sena mill-Olanda u ieħor ta’ 31 sena mill-Isvezja, ġew arrestati wara rejd li sar f’residenza fi Triq it-Torri tal-Kaptan, in-Naxxar. Minn din ir-residenza ġew elevati mal-50 pjanta tal-kannabis, kif ukoll ammont ta’ raża tal-kannabis u affarijiet relatati mal-kultivazzjoni tad-droga.
L-erba’ persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Furjana, fejn mistennija jitressqu l- Qorti għall-ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu (1100hrs) quddiem il-Maġistrat Dr Nadine Sant Lia LL.D.



