Il‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta se jerġa’ jiftaħ il‑bibien tiegħu fl-okkażjoni tar-restawr tal-Kappella ta’ San Ġużepp. Nhar is-Sibt 20 ta’ Ġunju l‑viżitaturi jistgħu jżuru l-kappella tal-istil Barokk tas-seklu 18, kif ġiet ikkummissjonata mill-Isqof Alpheran de Bussan, kif ukoll jaraw is-saqaf rinaxximentali u l-pitturi tal-artist Silvestro Querio il Romano (c.1600-1672) ikkummissjunati mill-Isqof Baldassare Cagliares. Dawn tal-aħħar ġew skoperti waqt li kien qed isir ir-restawr tal-kappella.
Swali oħra għall-wiri li jinsabu fil-piano nobile jinkludu s‑Sala tat‑Tron u l-Kanċellerija tat-Tribunal, fejn wieħed jista’ jara s-saqaf tagħha, li hu mpitter u ġie restawrat m’ilux, kif ukoll l-għamara antika tagħha.
Għal din l-okkażjoni ser jingħataw taħditiet bl-Ingliż minn:
- Suzannah Depasquale dwar Research, Discovery and Curatorship: Architectural and Artistic Heritage in the Chapel of St Joseph fl-10.30am
- Valentina Lupo dwar The Conservation of St Joseph’s Chapel: A Multidisciplinary Approach to a Complex Interior fil-11am
- Dr Theresa Vella dwar The Renaissance Legacy in the Chapel of St Joseph and the Impact of the Baroque Age fil-11:30am
Ir-restawr tal-Kappella ta’ San Ġużepp sar taħt il-patrunaġġ tal-Arċisqof Charles Scicluna, b’donazzjoni ġeneruża minn Madame Marie-Amélie Gleizes Dewavrin.
Il-Palazz tal-Arċisqof imur lura għall-ewwel snin tas-seklu 17 u jinsab fin-naħa t’isfel ta’ Triq l-Arċisqof qrib Misraħ l-Indipendenza. Fl-20 ta’ Ġunju ser ikun miftuħ mis‑9am sas‑2pm. Id‑dħul huwa b’xejn.



