Tuesday, June 16, 2026

IT-TMIEM TAL-PROĊESS ELETTORALI U L-FTUĦ TAL-PARLAMENT

Aqra wkoll

Il-proċess elettorali marbut mal-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju li għadda se jintemm proprju fis-sigħat li ġejjin wara li jitlestew l-elezzjonijiet każwali li għad jonqos isiru segwiti mill-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-ġeneru. B’dan il-mod se jkunu magħrufa s-siġġijiet parlamentari kollha allokati fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. 

Ma nistgħux ma ninnutawx li dan kien proċess mexxej ħafna. Anke f’dak li jirrigwardja l-elezzjonijiet każwali fejn fi ftit sigħat, grazzi għas-sistema elettronika ta’ kif jingħaddu l-voti, il-poplu ma damx wisq jistenna t-tħabbira tar-riżultat li wassal mhux biss biex jiġi magħruf minn rebaħ imma wkoll min kienu l-kandidati li ġew eletti f’dawn l-elezzjonijiet.

U ġaladarba qegħdin nitkellmu dwar l-elezzjoni ġenerali, insemmu kif dan il-proċess spedit naqqas bil-kbir it-tensjoni ta’ dewmien ta’ żmien sakemm jitħabbar b’mod uffiċjali r-riżultat finali. Bla dubju li dan ġab miegħu serħan il-moħħ kemm għall-partiti rispettivi kif ukoll għall-poplu b’mod inġenerali.

Naturalment, il-lok għal aktar titjib ma jkunx nieqes. Iżda dan proċess bla dubju jawgura tajjeb għal elezzjonijiet oħra li għad iridu jsiru fis-snin li ġejjin. B’dan il-mod, il-proċess ikompli jkun wieħed mgħaġġel u fuq kollox korrett u r-riżultati uffiċjali ma jdumux ma jkunu mħabbra. 

Issa wara l-għeluq ta’ dan il-proċess elettorali, kif diġà tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, nhar is-Sibt li ġej jerġa’ jiftaħ il-Parlament. U minn hemm ’il quddiem tibda l-ħidma parlamentari għal din il-leġiżlatura ġdida. 

Irridu ngħidu li l-Parlament se jkun qed jiltaqa’ wara żmien relattivament qasir wara elezzjoni ġenerali. Dan jibgħat messaġġ b’saħħtu li l-Gvern bħal donnu mhux se joqgħod jistenna jgħaddi aktar żmien biex jibda t-triq tal-implimentazzjoni tal-manifest elettorali u anki biex jgħaddi liġijiet li kienu pendenti fil-leġiżlatura li għaddiet.

Minn dak li diġà huwa magħruf, fost l-ewwel liġijiet li se jitressqu quddiem il-Parlament hemm il-liġi li tirregola l-għaqdiet volontarji, l-abbozz ta’ liġi li se jara l-ħolqien ta’ Kummissjoni għad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem u tad-Drittijiet Ċvili u aktar riformi nkluż dik fil-qasam tal-IVF. 

Dan kollu huwa indikattiv ta’ kemm dan il-Gvern se jkompli jkun riformista u li dak li wiegħed fil-programm elettorali se jkun qiegħed iwettqu fil-prattika għall-benefiċċju tal-kommunitajiet kollha ta’ pajjiżna. 

Għalhekk nħarsu ’l quddiem b’ottimiżmu li d-dibattiti fil-Parlament ikunu karatterizzati minn sens ċiviku u loġiku għax wara kollox dan hu dak li l-poplu jistenna mill-membri parlamentari li huwa eleġġa biex jirrappreżentawh fl-oqsma kollha tal-ħajja – politiċi, soċjali u ekonomiċi. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport