Sunday, May 5, 2024

“Ħadd ma qalilna dwar il-pandemija”; Koppja li kienu qed jivvjaġġaw madwar id-dinja fuq jott ma kellhom l-ebda ħjiel dwar il-pandemija sakemm ma tħallewx jidħlu f’port fil-Karibew wara 25 jum bejn sema u ilma

Aqra wkoll

Koppja li telqet mill-impjiegi tagħha biex iddur id-dinja fuq jott ma kellhom l-ebda ħjiel x’kien qed jiġri madwar id-dinja kaġun tal-pandemija tal-Covid-19 – sakemm ma ppruvawx jidħlu f’port fil-Karibew.

Elena Manighetti mir-reġjun tal-Lombardia fl-Italja u Ryan Osborne minn Machester kienu telqu mill-Gżejjer Canary fi Frar u l-pjan tagħhom kien li jbaħħru lejn St Vincent li tinsab mat-3,000 mil ’il bogħod.

Il-koppja kienu talbu lill-qraba tagħhom biex sakemm ikunu fuq il-vjaġġ ma jagħtuhomx aħbarijiet ħżiena.

Madankollu meta daħlu fil-Karibew, l-awtoritajiet qalulhom li l-biċċa l-kbira tal-gżejjer fir-reġjun għalqu l-portijiet tagħhom biex jissalvagwardjaw il-popolazzjoni tagħhom mill-virus tal-Covid-19.

Il-koppja qalet li meta kienu telqu mill-Gżejjer Canary kienu konxji dwar virus qattiel fiċ-Ċina, iżda qatt ma bassru li dan kien se jispiċċa jħarbtilhom il-pjani tal-vjaġġ tagħhom in-naħa l-oħra tad-dinja.

Elena Manighetti u Ryan Osborne fuq il-jott tagħhom

Wara 25 jum bejn sema u ilma, u mingħajr l-ebda aċċess għal aħbarijiet minn madwar id-dinja, il-koppja ġew mgħarrfa li ma setgħux jidħlu f’diversi portijiet minħabba r-restrizzjonijiet ta’ lockdown li kienu ddaħħlu fis-seħħ.

F’kummenti mal-midja Manighetti qalet li minħabba li kienet ċittadina Taljana, l-awtoritajiet ma ridux iħalluha tinżel l-art minħabba l-effetti tal-pandemija tal-Covid-19 fir-reġjun tal-Lombardia.

Madankollu l-koppja kellhom l-informazzjoni tal-vjaġġ tagħhom fuq il-GPS u għaldaqstant setgħu juru li għall-25 preċedenti mingħajr ma kienu jafu kienu fi kwarantina.

Meta fl-aħħar mill-aħħar Manighetti għamlet kuntatt mal-qraba tagħha, hija skopriet l-impatt li l-pandemija kellha fuq l-Italja u fuq diversi pajjiżi oħrajn u bin-numru ta’ vittmi li din ikkaġunat.

Attwalment il-koppja tinsab f’Saint Vincent, u ma jistgħux ikomplu bil-vjaġġ tagħhom.

Sport