Wednesday, April 24, 2024

ĦAJJA SIKURA MINGĦAJR BIŻA’ HIJA DRITT TA’ KULL TIFEL U TIFLA

Aqra wkoll

Minn żmien għal żmien nisimgħu b’atti vjolenti u bullying fuq it-tfal. Sfortunatament hawn tfal li jesperjenzaw forom differenti ta’ vjolenza fi stadji differenti tal-iżvilupp tagħhom. Nafu wkoll li partikolarment it-tfal bniet huma l-aktar li jiffaċċjaw vjolenza f’ħajjithom. Kull tifel jew tifla u kull żagħżugħ u żagħżugħa fid-dinja għandhom id-dritt kollu li jgħixu ħajja ħielsa minn kull forma ta’ vjolenza. Jistħoqqilhom li jikbru f’ambjent sikur u seren f’ambjent fejn jiksbu ħiliiet ċiivili u fejn ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tagħhom. Taħt il-liġi internazzjonali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, it-tfal u ż-żgħażagħ, huma min huma, għandhom id-dritt li jgħixu ħajja ħielsa mill-biża’ u t-theddid tal-vjolenza.

Il-vjolenza qatt mhi aċċettabbli u fi kwalunkwe ċirkostanza hija kundannabbli. L-inugwaljanzi bejn is-sessi, il-vjolenza fuq it-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, b’mod partikolari kontra l-bniet u t-tfajliet,  il-mistħija u l-istigma fuq il-vittmi għandhom jiġu miġġielda l-ħin koillu. It-tradizzjonijiet, il-kulturi jew ir-reliġjonijiet m’għandhomx jintużaw biex jiġġustifikaw il-vjolenza. Għalhekk il-vjolenza għandha f’kull ħin titqies bħala ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u trid tinkixef sabiex tkun sfidata.

Ilkoll flimkien għalhekk għandna nippromwovu u nsaħħu l-valuri li jappoġġaw relazzjonijiet bla ebda vjolenza, relazzjonijiet b’rispett, trawwim tajjeb, pożittività, mingħajr ebda differenzi bejn is-sessi tat-tfal, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli.

Is-soċjeta tibda tiċċivilizza ruħha mid-dar u propju għalhekk li d-dar għandha tkun l-aktar post importanti fit-trobbija tat-tfal  għax toffrilhom spazju fejn iħossuhom protetti, ikkurati, imrawma u appoġġjati. B’ġenituri jew gwardjani legali li jħobbuhom, it-tfal jistgħu jikbru u jidħlu għall-adolexxenza u aktar tard fl-età adulta mingħajr biżgħat u fuq mudelli pożittivi. L-ebda tifel, adolexxent jew żagħżugħ ma għandu jkun soġġett għal xi tip ta’ vjolenza fid-dar – inkluża negliġenza, vjolenza emozzjonali, psikoloġika, fiżika jew sesswali. 

Kemm hawn Malta kif ukoll fl-isfera internazzjonali għandna niddedikaw ħin, riżorsi u attenzjoni għal aktar rieda politika u riżorsi finanzjarji biex jintemm dan l-abbuż deplorevoli fuq it-tfal. 

Huwa importanti wkoll li t-tfal fl-iskejjel jiġu mgħallma aktar dwar ir-rispett reċiproku, dwar il-valur u d-dinjita lejn ħaddieħor. Dawn iwassluhom jgħixu ħajja pożittiva u produttiva u aktar ‘il quddiem f’ħajjithom u ikunu ċittadini responsabbli u attivi li jippromwovu l-paċi u jżommu bogħod mill-vjolenza. Permezz ta’ edukazzjoni sesswali komprensiva jistgħu jiksbu wkoll l-għarfien, jesploraw il-valuri u l-attitudnijiet, u jiżviluppaw il-ħiliet li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet konxji, sani u b’rispett fejn jidħlu r-relazzjonijiet u s-sesswalità meta jikbru u jsiru l-irġiel u n-nisa ta’ għada.

Sport