Monday, April 29, 2024

“Ħallast prezz politiku… Erfajt ir-responsabbiltajiet tiegħi u anke dawk li ma kinux” – L-eks PM Joseph Muscat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat irreaġixxa għar-rapport tal-inkjes­ta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, liema inkjesta inħatret minnu stess, beda biex iddikjara li “ma jista’ qatt ikun hemm ġustifikazzjoni għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dak li ġara fis-16 ta’ Ottubru 2017 għamilni determinat li ma nġibx ruħi bħall- predeċessuri tiegħi li tkellmu ħafna imma ma għamlu xejn dwar delitti maġġuri li xxukjaw lill-pajjiż. Ikolli nirrimarka illi r-riżervi li kelli dwar it-tluq tal-Inkjesta mit-Termini ta’ Referenza oriġinali tagħha, u li jien wrejt fit-tul matul ix-xhieda tiegħi ta’ ħames sigħat f’Diċembru li għadda, mhux biss jibqgħu jgħoddu, iżda ma ġewx indirizzati b’mod adegwat, u huma kkonfermati mill-konklużjonijiet tal-Inkjesta.”

Tenna li “għandu jiġi nnutat li l-inkjesta sabet li l-Istat ma kellu l-ebda għarfien minn qabel ta’, jew li kien involut fl-assassinju. Ir-rapport jiddikjara wkoll b’mod inekwivoku li jien bl-ebda mod ma kont implikat fil-qtil. Fil-waqt li l-inkjesta esprimiet id-diżapprovazzjoni tagħha dwar il-ġudizzju politiku tiegħi wara l-Panama Papers, ma rrimarkatx li fix-xhur ta’ wara ħadt id-deċiżjoni li nitlob mandat elettorali ieħor, fejn l-elettorat iġġudikani anki fuq kif imxejt f’din is-sitwazzjoni.”

Saħaq li “filwaqt li l-inkjesta tgħid li nħoloq stat ta’ impunità, tonqos milli tirrikonoxxi b’mod adegwat illi l-allegati eżekuturi inqabdu f’inqas minn xahrejn u l-allegat moħħ ftit xhur wara, wara investigazzjonijiet li kienu jinvolvu fost l-oħrajn lill-Europol u lill-FBI. Dan il-fatt iġib fix-xejn kull impressjoni li seta kellhom dawn in-nies li kienu jgawdu minn xi impunità. Insostni li kien hemm impunità f’każijiet li seħħew qabel it-terminu tiegħi fil-kariga, fejn seħħew reati ta’ profil għoli iżda ħadd qatt ma tressaq quddiem il-Qorti.”

Ikompli jgħid li “irrid ngħid li mhux se nagħti ħafna kredibilita lix-xnigħat persistenti li partijiet terzi kellhom aċċess għall-abbozz tar-rapport qabel il-pubblikazzjoni tiegħu. Ma’ dan kollu hemm bzonn ta’ kjarifika dwar dikjarazzjoni li saret nhar l-Erbgħa mill-Kap tal-Oppożizzjoni li tindika li kien jaf meta r-rapport se jingħata lill-Gvern. Hu rrefera wkoll għal proposti fir-rapport. Il-proposti ma ssemmewx fit-Termini ta’ Referenza, u filwaqt li l-inklużjoni tagħhom hija totalment leġittima u importanti, wieħed irid jistaqsi kif il-Kap tal-Oppożizzjoni kien jaf b’taqsima bħal din tar-rapport.”

Kompla jgħid li “barra minn hekk, huwa ddikjara l-qbil tiegħu mal-proposti tar-rapport u talab għall-implimentazzjoni tagħhom, anke qabel ma r-rapport ingħata lill-Gvern. Wieħed jistaqsi kif il-Kap tal-Oppozizzjoni kien jaf b’dawn id-dettalji jew jekk huwiex soltu għalih li jaqbel minn qabel ma’ xi ħaġa li ma jkunx jaf id-dettalji tagħha. Fl-istess ħin il-fatt li partijiet mir-rapport spiċċaw fid-dominju pubbliku qabel ma dan kien ippublikat, iqajjem iktar mistoqsijiet.

Bħala konklużjoni, min­kejja r-riżervi serji ħafna minn naħa tiegħi u n-nuqqasijiet tal-Inkjesta, naċċetta l-imsemmija konklużjonijiet kif dejjem għamilt fl-imgħoddi f’rispett lejn l-Istituzzjonijiet. Nispera li oħrajn jaċċettaw ir-riżultat ta’ Inkjesti oħra minn membri tal-istess ġudikatura, bħal fil-każ ta’ Egrant, aktar milli kontinwament jitfgħu dubji infondati dwarhom.”

Temm jgħid li “kif għidt meta ħabbart li ma kontx se nibqa’ nokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru, kont qed nagħmel dan biex nerfa’ responsabbiltajiet li kienu tiegħi u anke dawk li ma kinux tiegħi, inklużi dawk imsemmija f’din l-Inkjesta. Jien ħallast il-prezz politiku aħħari għal dan.”

Sport