Mill-inqas ħames persuni mietu wara li ferrovija b’veloċità qawwija għaffġithom qrib stazzjon tal-ferrovija fl-Italja. Il-ħames vittmi, li l-età tagħhom tvarja bejn it-22 u t-52 sena, kienu qed jaħdmu biex jibdlu parti minn binarju fi stazzjon tal-ferrovija barra l-belt ta’ Turin.
Huma kienu ilhom is-sigħat jaħdmu fuq il-linja bejn Turin u Milan, meta ferrovija vojta tal-passiġġieri għaddiet mill-istazzjon ta’ Brandizzo – belt żgħira fil-Grigal ta’ Turin – b’veloċità qawwija ta’ 160 kilometru fis-siegħa, skont rapporti tal-midja Taljana.
Is-Sindku tal-belt, Paolo Bodoni, qal lill-midja Taljana li għaddejja investigazzjoni biex jiġi stabbilit x’wassal għal dan l-inċident fatali. Fortunatament, żewġ ħaddiema oħra baqgħu ħajjin u ma sofrew ebda ġrieħi, iżda ttieħdu l-isptar għall-osservazzjoni.
Is-sewwieq tal-ferrovija ġie kkurat fuq il-post minħabba li kellu xokk qawwi u wara ntbagħat id-dar. Huwa mistenni jiġi interrogat aktar tard dwar l-inċident.
Fi stqarrija, in-netwerk tal-ferroviji Taljan (RFI) esprima s-sogħba profonda tiegħu għall-inċident. Is-Sindku Bodoni ddeskriva l-inċident bħala “xokkanti” u “traġedja enormi”.
Rapporti fil-midja Taljana qalu li l-ħaddiema kienu qed jibdlu madwar 10 metri ta’ binarju meta l-ferrovija vojta li kienet qed iġġor tużżana vaguni għaddiet mill-istazzjon ta’ Brandizzo b’veloċità qawwija. Uħud mill-vittmi saħansitra tkaxkru mijiet ta’ metri tul il-binarju.