Ħames Taljani tilfu ħajjithom f’inċident waqt li kienu qed jagħmlu scuba diving fil-Maldivi.
“L-għaddasa huma maħsuba li mietu waqt li kienu qed jesploraw l-għerien f’fond ta’ 50 metru,” qal il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f’Ruma.
Il-militar tal-Maldivi qal li nstab katavru f’għar madwar 60 metru taħt l-ilma filwaqt li huwa mifhum li l-erba’ għaddasa l-oħra nstabu hemm ukoll.
Intqal ukoll li għaddasa b’tagħmir speċjali ntbagħtu fiż-żona u l-operazzjoni ta’ tiftix ġiet deskritta bħala ta’ riskju għoli ħafna.
Dan l-inċident huwa maħsub li hu l-agħar inċident tal-għadis f’dan in-nazzjon tal-Oċean Indjan, destinazzjoni turistika popolari għall-gżejjer tagħha.
Il-midja fil-pajjiż irrapportat li l-ħames Taljani kienu niżlu fil-baħar il-Ħamis filgħodu. L-ekwipaġġ tad-dgħajsa li kienu fuqha rrapportahom nieqsa wara li ma rnexxilhomx jerġgħu jitilgħu fil-wiċċ aktar tard.
Il-pulizija qalu li kien hemm maltemp qawwi fiż-żona filwaqt li nħarġet ukoll twissija safra għad-dgħajjes tal-passiġġieri u s-sajjieda.


