Friday, May 15, 2026

Żieda fil-pagi u allowances ġodda għall-ħaddiema tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet

Aqra wkoll

Żewġ ftehimiet kollettivi ġodda ġew iffirmati bejn l-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet u l-General Workers Union (GWU). Permezz tagħhom il-ħaddiema fl-iskali kollha ta’ din l-aġenzija se jibbenefikaw minn żieda fil-pagi tagħhom u introduzzjoni ta’ allowances ġodda li jirrikonoxxu r-rwol u l-ħidma tagħhom.

L-iffirmar ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet kollettivi kien ippresedut mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif dawn il-ftehimiet kollettivi qed jintroduċu żidiet fil-pagi u allowances għall-impjegati kollha ta’ din l-Agenzija, bil-għan li jittejbu l-pakketti ta’ kumpens u benefiċċji tagħhom b’mod ġenerali. Huwa tenna li l-iskop ta’ dawn il-ftehimiet kollettivi m’huwiex biss wieħed finanzjarju. Bħal kull ftehim ieħor, jipprovdu gwida ċara dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, obbligi u d-drittijiet li għandhom iħarsu lill-istess ħaddiema u jipprovdu garanzija u serħan il-moħħ għall-impjegati kollha.

“Dan huwa sinjal qawwi ta’ Gvern li jinvesti fil-ħaddiema u fil-ħidma li huma jwettqu. Irridu noħolqu ċertezza fuq il-post tax-xogħol għax hija fundamentali sabiex kull ħaddiem jikber u jimraħ. Kull ħaddiem fis-settur pubbliku għandu jkun ivvalorizzat għax ilkoll niffurmaw katina sabiex nkomplu ntejbu s-servizzi li qed jingħataw. Illum qegħdin hawn f’Aġenzija pjuttost żgħira imma b’irwol importanti fejn jidħol is-sjieda (ownership) tal-proprjetà. Isir ħafna xogħol siewi sabiex isiru r-riċerki u jinħarġu t-titli fuq il-proprjetajiet li bihom jistgħu jkunu garantiti loans u titli,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet, il-Perit Michelle Piccinino, tenniet li dan il-ftehim huwa pass importanti għall-Aġenzija li tinsab fi żmien kritiku ta’ riforma u aġġornament tas-servizzi.

“Illum ukoll qed ikun mniedi branding ġdid għall-Aġenzija, l-ewwel pass f’dak li hemm mħejji għal din l-entità li trid tiġġedded sabiex tkun tista’ ttejjeb is-servizzi tagħha għaċ-ċittadini. Apparti t-tisħiħ tal-pagi u l-allowances, il-ftehimiet kollettivi li ġew iffirmati issa jiggarantixxu karrieri lill-impjegati kollha tal-Aġenzija, kif ukoll għandhom issaħħu l-pożizzjoni ta’ din l-entità sabiex tattira ħaddiema ġodda li jkomplu jsaħħu l-kumpliment tal-ħaddiema li sal-lum jammonta għal 50 uffiċjal u jippermettu li jkompli jitjieb is-servizz,” qalet il-Perit Piccinino.

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Servizzi u Finanzi fi ħdan il-GWU Riccarda Darmanin spjegat kif it-Taqsima ffirmat ftehim kollettiv li jirrappreżenta lis-Senior Managers, Unit Coordinators u Team Managers tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

“Dan il-ftehim mhux biss isaħħaħ il-pagi bażiċi, iżda jintroduċi wkoll pakkett finanzjarju aktar ġust li jirrifletti r-responsabbiltajiet kbar tagħhom fejn jidħol reġistrar ta’ kuntratti tal-artijiet. Għalhekk, ġew introdotti allowances ġodda li jirriflettu aħjar il-livell ta’ professjonalità, tmexxija u dedikazzjoni li dawn il-ħaddiema professjonisti.

“Dan il-ftehim huwa pass importanti ’l quddiem biex inkomplu nsaħħu l-istruttura tal-maniġment, intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u nkomplu nibnu kultura organizzattiva bbażata fuq rispett, rikonoxximent u ġustizzja,” qalet is-Segretarju Darmanin.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU Kendrick Bondin qal li dan il-ftehim huwa xhieda ċara “tal-impenn tagħna biex inkomplu nagħtu valur u rikonoxximent lill-ħaddiema li kuljum iġorru responsabbiltajiet kbar fis-servizz pubbliku. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif permezz tad-djalogu u l-kollaborazzjoni nistgħu nibqgħu nibnu ambjent tax-xogħol san.”

“Wasalna għal dan il-ftehim kollettiv li jkompli jibni fuq dak ta’ qablu u nsaħħu dak li kellna. Rajna mhux biss pakkett finanzjarju li jinċentiva aktar lill-ħaddiema u jirrikonoxxi l-ħidmiet tagħhom imma wkoll daħħalna wkoll aktar flessibiltà ġusta li timxi mal-operat. Aktar effiċjenza u għarfien li ssarraf f’pagi aħjar u allowances li jagħrfu l-ħidmiet u d-dmirijiet ta’ dawn il-ħaddiema. Dan flimkien ma’ struttura aktar b’saħħitha f’dak li jirrigwardja t-taħriġ,” tenna s-Segretarju Bondin.

Is-Segretarji tat-Taqsimiet rispettivi rringrazzjaw lil kull min kien involut fin-negozjati, speċjalment lir-rappreżentanti tal-impjegati, lill-maniġment u lir-rappreżentanti tal-IRU għax-xogħol siewi u l-impenn tagħhom matul dan il-proċess kollu li hu rifless f’dan il-ftehim.

Preżenti għall-iffirmar ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet kollettivi kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali (Designate) tal-GWU Kevin Camilleri, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela u l-President Jason Deguara.

Preżenti kien hemm ukoll l-Assistenti Segretarji tat-Taqsimiet Cynthia Schembri u Lawrence Bugeja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport