Friday, May 15, 2026

IPPREŻENTATI L-KANDIDATI F’ISEM IL-PL

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

72 kandidat… l-ikbar tim ta’ kandidati

Il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta uffiċjalment il-kandidati kollha li se jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju li ġej f’isem il-Partit Laburista. Total ta’ 72 kandidat. L-ikbar tim ta’ kandidati għal din l-elezzjoni iżda wkoll l-iktar tim ta’ kandidati b’saħħtu.

Dr Abela qal li l-Partit Laburista qed ipoġġi quddiem il-poplu kandidati minn kull qasam tas-soċjetà, b’esperjenzi differenti u kompetenzi f’firxa wiesgħa ta’ oqsma. Kważi 40% tal-kandidati huma nisa, bi preżenza b’saħħitha ta’ żgħażagħ u kandidati b’esperjenza.

“Fuq kollox nies kompetenti, dinamiċi u effettivi. Nisa u rġiel ta’ prinċipju b’valuri sodi li jridu jieħdu lil pajjiżna fil-livell li jmiss. Magħqdin flimkien għal għan wieħed – li l-forzi kollha ta’ Malta Aqwa jkunu ffokati biex il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin tkun eħfef, isbaħ u aħjar,” qal il-Prim Ministru. 

Huwa tenna li dan huwa wkoll it-tim li mas-soċjetà u ma’ persuni oħra fassal il-manifest “Int Malta – il-Ħolma Tiegħek. Il-Proġett Tagħna”. Manifest innovattiv u ambizzjuż, b’wellbeing index u b’25 mira ċara. “Għax meta tmexxi pajjiż trid tkun taf fejn trid tieħdu,” qal Dr Abela. 

“Il-miżuri li għandna għandhom destinazzjoni ċara ħafna. 25% titjib fil-wellbeing tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Qed nużaw metodoloġiji rikonoxxuti internazzjonalment biex inkejlu l-andament ta’ għaxar dimensjonijiet differenti. Magħna tafu fejn sejrin,” qal Dr Abela. 

“Din il-mira tingħaqad ma’ dawk li adottajna fil-Viżjoni Malta 2050. Li Malta titla’ mal-ewwel għaxar pajjiżi fil-kejl tal-iżvilupp uman tan-Nazzjonijiet Magħquda. U li d-dħul disponibbli medjan tal-familji Għawdxin u Maltin se jitla’ għal 135% tal-medja Ewropea. Irridu wkoll li pajjiżna jitla’ mal-ewwel għaxar pajjiżi Ewropej fejn jidħol l-indiċi tas-sodisfazzjon bil-ħajja tal-Eurostat.” 

Il-Prim Ministru tenna li biex dan kollu jseħħ, irridu ekonomika soda u dinamika. Għaldaqstant, huwa spjega li l-manifest fih ukoll miri ekonomiċi ambizzjużi li l-poplu sar jistenna minn Gvern Laburista. Illum il-ġid nazzjonali ras għal ras f’pajjiżna jaqbeż il-medja tal-Unjoni Ewropea u taż-żona Ewro. Fil-ħames snin li ġejjin qed jimmiraw li l-ġid nazzjonali ras għal ras jitla’ fost l-aqwa ħamsa fiż-żona Ewro. 

“Għalhekk ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku reali rridu li tkun medja ta’ 4% fis-sena għall-ħames snin li ġejjin. Se nimmiraw li aktar minn żewġ terzi tat-tkabbir ekonomiku jkun iġġenerat minn setturi diġitali u ta’ servizzi u manifattura b’valur miżjud għoli. Dan biex ikollna tkabbir ekonomiku sostenibbli filwaqt li nsostnu l-investiment fil-familji u fin-negozji,” tenna l-Prim Ministru. 

Huwa kompla jgħid li l-piż tad-dejn nazzjonali se jkompli jonqos għal madwar 40% tal-ġid nazzjonali. “B’hekk aħna l-uniku partit li qed nuru b’mod ċar x’se jkun l-impatt ekonomiku u fiskali ta’ dak li qed inwiegħdu u dak li rridu nwettqu.”

Dr Abela tkellem ukoll dwar Għawdex fejn qal li biex inaqqsu l-insularità doppja se jkunu qegħdin iżidu l-konnettività bejn Għawdex u Malta b’aktar minn 25% sa tmiem il-leġiżlatura li jmiss. 

Mira ewlenija oħra hi dik li r-rata ta’ qgħad tibqa’ qrib it-3% filwaqt li tibqa’ fost l-inqas fiż-żona Ewro, inkluż fejn jirrigwardja r-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ. 

Dr Abela tenna wkoll li “se naħdmu biex l-ammont ta’ persuni dipendenti fuq l-assistenza soċjali jonqos b’10% oħra. Fl-istess ħin, naħdmu biex il-pensjonanti f’pajjiżna jgawdu minn żidiet li huma minn tal-inqas id-doppju taż-żieda għall-għoli tal-ħajja.”

Barra minn hekk, huwa qal li jrid ir-rata ta’ Maltin u Għawdxin li huma sidien ta’ darhom tibqa’ tkun ta’ aktar minn 80% u fost l-aqwa madwar l-Ewropa. “Nimmiraw ukoll li Malta tibqa’ bl-aħjar “healthy life expectancy” fl-Ewropa filwaqt li nnaqqsu r-rata ta’ obeżità.

Dwar l-ugwaljanza, Gvern ġdid Laburista għandu l-mira li d-distakk fir-rata ta’ impjiegi bejn il-ġeneri jonqos bin-nofs filwaqt li l-gender pay gap ta’ pajjiżna tonqos biex niġu fost l-aqwa tliet pajjiżi Ewropej. 

Dr Abela qal ukoll li se jirsistu biex ir-rata ta’ dawk li jitlqu mill-iskola wara l-edukazzjoni obbligatorja tinżel taħt it-8% wara t-tnaqqis b’saħħtu li ġie rreġistrat fl-aħħar snin. 

Tenna li r-rata ta’ ħaddiema li qed jitħarrġu rriduha taqbeż il-medja Ewropea fil-ħames snin li ġejjin. “Naspiraw li Malta tingħaqad mal-aktar pajjiżi avvanzati fil-European Innovation Scoreboard. Dan filwaqt li nibqgħu nżommu postna mal-aqwa pajjiżi Ewropej fil-persentaġġ ta’ negozji li jużaw l-Intelliġenza Artifiċjali.” 

Fuq l-ambjent, il-miri tal-PL huma li sal-2030 il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli tilħaq il-25% tal-enerġija kollha li jiġġenera pajjiżna. “Fl-istess żmien għandna l-mira li pajjiżna jkollu tnaqqis ta’ madwar 40% fl-emisjonijiet tal-karbonju meta mqabbel mas-sena 2005,” qal il-Prim Ministru. 

Dr Abela temm jgħid li biex jiksbu dawn il-25 mira differenti għandhom manifest elettorali li huwa pjan komprensiv. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar ġimgħat tħabbru diversi proposti li joħorġu minn dan il-manifest.

“Dawn il-proposti jistgħu jsiru realtà biss bil-fiduċja tagħkom. Fil-ġimagħtejn li fadal jien u l-kandidati sħabi kollha se nkunu qed nitkellmu magħkom aktar fuq dan il-pjan. Nagħtikom il-kelma tiegħi li se niġu quddiemkom b’umiltà iżda wkoll b’mod responsabbli fejn kull pass li nipproponi, inkun konvint li se jtejjeb il-ħajja tagħkom u lil pajjiżna. Għax intom Malta. U Malta intom,” temm jgħid il-Prim Ministru. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport