Riħ qawwi mill-Grigal, li kompla jissaħħaħ matul il-lejl, flimkien ma’ baħar dejjem aktar imqalleb, taw lill-ekwipaġġi dak li huma stess iddeskrivew bħala “kundizzjonijiet epiċi” u “tellieqa ferm aktar diffiċli milli mistenni” waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tat-Thomas Smith Triple Handed Night Race, ospitata mir-Royal Malta Yacht Club.
Matul il-lejl, il-kundizzjonijiet komplew jiggravaw hekk kif ir-riħ beda jiżdied fuq ir-rotta lejn Għawdex, b’riħ jilħaq madwar 14-il mil nawtiku fis-siegħa u buffuri sa 30 mili nawtiċi fis-siegħa qrib it-tarf tal-gżira, qabel ma l-baħar sar aktar imqalleb għall-vjaġġ twil lura lejn Malta — battalja ta’iktar minn sitt siegħat li ħalliet lill-ekwipaġġi għajjenin iżda sodisfatti.
Meta spiċċat it-tellieqa, kienet il-Jubatus ta’ Sean Borg — li flimkien mall-ekwipaġġ mgħamul minn Andrea Azzopardi u Nicky Fenech — ħarġet rebbieħa, wara li ħadet vantaġġ tajjeb kmieni fit-tellieqa.
“Varajna l-Jubatus sagħtejn biss qabel it-tluq, grazzi għall-ħidma tal -ekwipaġġ” qal l-iskipper Sean Borg. “Ladarba tellajna l-A-sail, laħaqna 14-il mil-nawtiku fis-siegħa u bnejna vantaġġ tajjeb lejn Għawdex. Kellna xi inċidenti hemmhekk li swewlna ftit ħin, u l-vjaġġ lura lejn Malta kien kontra r-riħ u f’baħar dejjem aktar imqalleb. Din kienet battalja vera kontra dgħajjes akbar minna. Tellieqa li tibqa’ f’moħħok — b’muskoli għajjenin, ħruq mill-ħbula u tbenġil biex ifakkarna fiha.”
Vivace, ta’ Andrew Agius Delicata, Matthew Gabriele u Kevin Anastasi, kienet it-tieni dgħajsa li daħlet wara rimonta diffiċli li inkludiet irkupru minn qrib Għawdex.
“Bdejna tajjeb ħafna,” qal Agius Delicata. “Hekk kif ersaqna lejn Għawdex, ir-riħ beda jiżdied gradwalment u konna nafu li kellna nibqgħu mal-flotta kemm jista jkun il-ħin kollu tat-tellieqa. Il-parti downwind kienet veloċi u eċċitanti, għalkemm tlifna ftit pożizzjonijiet matul it-triq.”
Calypso, ta’ Sebastian Ripard, b’ekwipaġġ li kien jinkludi lil Jake Satariano u Harry Parnis England spiċċat fit-tielet post.
Meta rrifletta fuq it-tellieqa, Ripard qal: “Kundizzjonijiet epiċi li taw tellieqa ferm aktar diffiċli milli antiċipajna. Hemm xi ħaġa speċjali fit-tlielaq madwar Għawdex, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet! Kemm-il darba ngħaddi minn hemm, dejjem nibqa’ mistagħġeb b’dawk l-irdumijiet!”
It-tmexxija tat-tellieqa kienet taħt ir-responsabbiltà tal-Commodore tal-RMYC Mark Napier, assistit minn Peter Micallef u Neity Maddock.
Ir-Royal Malta Yacht Club Irringrazzja lil Thomas Smith Insurance Brokers għall-appoġġ tagħhom lejn din it-tellieqa.
L-għoti tal-premijiet se ssir nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju fis-1900hrs fil-Royal Malta Yacht Club.

