Nhar is-Sibt, 16 ta’ Mejju 2026, il-Knisja f’Malta ċċelebrat l-Ordinazzjoni ta’ tliet saċerdoti ġodda. L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ordna saċerdoti lil: Rev. David Pace mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl; Rev. Ryan Dalli mal-Aħwa Minuri Kapuċċini; u Rev. Jerome Barnabas, seminarist tal-Istitut għall-Evanġelizzazzjoni tad-Dinja – ICPE.
Fost dawn it-tliet ordinandi ġodda, kien hemm Rev. David Pace mssp, minn Ħal Safi, għandu 37 sena u beda l-mixja tal-formazzjoni tiegħu mas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fl-2015. Sa dak iż-żmien kien jaħdem bħala infermier l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Fr David għamel in-novizzjat fid-Dar Internazzjonali tal-MSSP f’Manila fil-Filippini. Wara kompla bl-istudji tiegħu tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta.
F’Manila studja t-Teoloġija f’Loyola School of Theology. Matul dawn is-snin esperjenza wkoll il-ħajja missjunarja fil-Perù, u serva bħala djaknu fl-Awstralja. Fr David jixtieq li jkun ta’ servizz għal kull min jiltaqa’ miegħu, bħala missjunarju u saċerdot.
Dan il-ġurnal tkellem ma’ Rev. David Pace nnifsu fejn tana iktar dettalji rigward diversi materji relatati mas-saċerdozju u anke mal-vokazzjoni tiegħu.
Kif ġietek il-vokazzjoni biex issir saċerdot?
Ikolli ngħid li l-ordinazzjoni tas-Sibt 16 ta’ Mejju 2026 kienet xi ħaġa li ilha ġejja ħafna. Ukoll, hija storja kemxejn twila.
L-ewwel nett, dan kollu beda mill-mistoqsija jekk kontx se nsir membru tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP). L-ewwel kuntatt tiegħi mal-MSSP kien meta, bħala student tal-iskola sekondarja, kont nattendi l-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, li hija l-iskola tal-Knisja mmexxija mis-Soċjetà.
Fl-iskola, kien ikollna kuntatt ma’ missjunarji jew membri MSSP li issa kienu Malta li kienu jqattgħu ħinijiet magħna, bdejt insib ruħi naħseb fuq il-possibbiltà li xi darba nkun bħalhom ukoll.
Dan il-ħsieb baqa’ jissaħħaħ u, wara s-sentejn tal-Junior College u sena mill-kors tal-infermiera fl-Università, iddeċidejt li nibda t-triq tal-formazzjoni mal-MSSP.
Iżda wara sena ma bdejtx inħossni daqshekk konvint, u għalhekk ħriġt mis-Soċjetà u komplejt nistudja biex insir infermier.
Meta gradwajt fl-2011, dħalt naħdem fid-Dipartiment tal-Emerġenza.
Domt naħdem hemmhekk għal erba’ snin b’kollox. Kont inħobb ħafna x-xogħol li kelli u kont inħossni ferm sodisfatt li kont qed nagħmel il-ġid. Iżda ħafna drabi kont ukoll inħoss li, fix-xogħol tagħna, konna qed naħdmu fost id-dlam li ħafna nies iġorru ġo fihom frott telfiet li jgħaddu minnhom. Inċidenti, kriminalità, mard u mwiet għall-għarrieda kienu kollha parti mix-xogħol.
Barra minn hekk, kien ikollna ħafna pazjenti oħra li vittmi tal-alkoħol, id-droga, u attentati ta’ suwiċidju. Ma jonqsux drabi li dawn il-pazjenti mietu.
Jien kont inħoss li, għalkemm bħala infermier kont nagħmel xogħol siewi magħhom, xorta waħda kienu se jmorru lura d-dar u jkomplu jġorru dan kollu waħedhom. Bdejt inħoss li jista’ jkun hemm possibilitajiet differenti għalija.
Imbagħad, dak li tassew għinni nibdel it-triq kienet ommi, li kienet marida bil-kanċer tas-sider. Fis-sajf tal-2013 saħħitha bdiet tiddeterjora u eventwalment mietet. Meta mietet, kien hemm ħafna qassisin li konna nafuhom bħala familja u li mxew magħna b’mod sabiħ ħafna. Bil-mod il-mod, dawn reġgħu fakkruni – issa b’mod personali – li l-akkumpanjament spiritwali jista’ jkun ta’ għajnuna kbira.
U wara madwar sentejn, iddeċidejt li nerġa’ lura mal-MSSP u nara jekk din il-mixja setgħetx toffri tweġiba għal dak li kont qed infittex.
U għaliex għażilt li tifforma parti mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) bħala Saċerdot?
Kif għidt qabel il-Kulleġġ u l-ħbieb li kelli fl-MSSP iffurmaw parti kbira min din id-deċiżjoni.
Imma meta dħal fl-MSSP it-tieni darba (fl-2015) mill-ewwel mort il-Filippini. Dan għaliex l-ewwel sena tal-formazzjoni – in-novizzjat – sar hemmhekk. In-novizzjat huwa perjodu li fl-MSSP huwa ta’ sena fejn wieħed jidħol fi żmien ta’ rtir mill-ħajja normali u jiddixxerni aħjar is-sejħa tiegħu. Dan isir f’komunità ta’ kandidati li jkunu qiegħdin jiddixernu sejħa simili. Jiena għamiltu ma’ oħrajn li kienu mill-Filippini, mill-Pakistan, mill-Perù u mill-Vjetnam.
Dan mill-ewwel għinni nibda nifhem li s-sejħa ta’ kull nisrani hija missjunarja – għal min bi ftit azzjonijiet li jista’ jieħu u ħaddieħor billi l-missjoni issir dak li jiddefinixxi il-ħajja tiegħu.
Sal-lum kelli esperjenzi fil-Perù, fil-Filippini stress u fl-Awstralja ukoll. U naħseb li d-differenza bħala missjunarju tista’ ssir permezz ta’ preżenza awtentika u ta’ fidi kull fejn wieħed ikun, anke jekk qiegħed f’post barrani – anzi kultant ħafna iktar b’mod sħiħ jekk f’post barrani bi preżenza li tiżboq u tibni pontijiet bejn persuni differenti min xulxin.
Għalhekk nemmen fil-missjoni tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li tkun preżenti ma’ nies differenti u f’postijiet differenti bil-għan li twassal l-Evanġelju kullimkien.
Kemm għenitek u kemm tgħallimt mill-esperjenzi li kellek fis-sena bħala Djaknu?
L-ordinazzjoni tiegħi bħala djaknu saret fil-Filippini f’Ottubru ta’ l-2024.
Imbagħad kont offrut li meta nlesti mill-istudji tiegħi il-Filippini f’Mejju 2025 immur għal xi xhur l-Awstralja għal esperjenza bħala djaknu hemmhekk. Fl-istess ħin kien hemm il-possibilità li nagħmel kors f’dak li jgħidulu CPE – Clinical Pastoral Education. Dan huwa esperjenza ta’ preżenza fl-isptarijiet f’dak li jissejjaħ Spiritual jew Pastoral Care.
Minħabba li l-popolazzjoni Awstraljana hija magħmulha min ħafna nies ġejjin minn postijiet differenti inkluż Malta, dak li jiġi offrut bħala akkumpanjament spiritwali fl-isptarijiet huwa wieħed maħsub biex iwieġeb għall-bżonnijiet ta’ kulħadd, ġej min fejn ġej u jħaddan liema twemmin iħaddan.
Din kienet esperjenza li lili għenitni ħafna nerġa’ nkun presenti fl-isptar, din id-darba fi rwol differenti mhux bħala infermier, u din id-darba preparat biex inkun ta’ preżenza li takkumpanja u tkun ta’ faraġ.
Sadanittant kelli l-opportunità li noqgħod ftit fil-prattika tal-predikazzjoni. Kelli diversi opportunitajiet fil-quddies u anke oħrajn biex naqsam ma’ oħrajn xi ħsibijiet fuq il-kelma ta’ Alla u fuq il-ħajja in ġenerali.
Min hu Kristu għalik? Kemm taspira li tkun Kristu ieħor bħala qassis?
Jiena naħseb li l-fatt li Alla tagħna għażel li jkun bniedem bħalna u jurina it-triq li twassal għall-ħajja vera huwa l-isbaħ aspett tal-fidi nisranija.
U huwa iktar tal-għaġeb li Ġesù kompla matul il-ħajja tiegħu jagħżel li hu jiċċekken. Matul ħajtu wera l-ħniena u sakemm ħa l-mewt tas-salib biex ikollna veru ir-rigal tal-ħajja magħmulha sħiħa minnu.
Dan hu li niċċelebraw kuljum fl-Ewkaristija u issa jiena qed ikolli ix-xorti li nipparteċipa bil-liturġija b’dan il-mod. Nittama żgur li din il-parteċipazzjoni tagħtini l-enerġija, il-kuraġġ u l-ispazju li nkun wiċċ u opportunità ta’ ħniena għal kulħadd.
Xi jbeżżgħek fil-ħajja saċerdotali?
Naħseb l-iktar li jbeżżgħani huwa li ngħamel wisq kompromessi mar-radikalita’ li titlob minnha il-ħajja tagħna.
Jiena ukoll reliġjuż, u msejjaħ biex ngħix f’komunità. Xi kultant il-ħajja tagħna ddawwarna bin-nies imma fl-istess ħin tħallina fi spazju li jista’ jkun ta’ solitudni kbira.
Nittama li nkun fidil biżżejjed fil-ħajja tat-talb tiegħi biex il-bżonnijiet ta’ intimita’ għalija ikunu sors ta’ sostenn għal ħaddieħor.
Ma tistax xorta tagħmel il-ġid fis-soċjetà u tiżżewweġ jew tibqa’ ġuvni. Hemm bżonn issir qassis? X’jagħmel lill-qassis differenti?
Huwa bla dubju li l-ġid fis-soċjetà jsir b’ħafna modi, u mhux permezz tas-saċerdoti biss. Allaħares mhuwiex hekk.
Però fir-realtà, il-ġid isir min dawk kollha li jgħixu l-vokazzjoni tagħhom hi x’inhi b’mod fidil u sħiħ.
Dak li jagħmel il-qassis huwa li permezz tal-liturġija u s-sagramenti, u b’dedikazzjoni sħiħa tiegħu innifsu jista’ jkun ta’ pont bejn dak li huwa divin u ġej minn Alla u l-poplu li anke jekk ma jafx qiegħed ifittex lil Alla.
Xtaqt ikollok familja tiegħek, jew għażilt li ssir saċerdot għax tibża’ mill-fatt li jkollok familja?
Bħal ħafna oħrajn, għalkemm kien hemm ix-xewqa li nkun saċerdot għal ħafna żmien f’ħajti, drabi oħra kelli ukoll ħsibijet u pjanijiet differenti. Anke xi relazzjonijiet kelli f’perjodi differenti f’ħajti.
Illum li dalwaqt se nagħlaq 38 sena, u għandi ħafna ħbieb u bdejt nisma’ ħafna stejjer, nagħraf li kull triq fiha l-sfidi u d-diffikultajiet tagħha. Żgur li mhux inqas il-ħajja tal-familja u ż-żwieġ. Imma għalija kien hemm opportunità ta’ għażla differenti.
Imma naħseb li waqt li wieħed jikber fil-ħajja reliġjuża u fis-saċerdozju jitgħallem jgħix l-isfidi u d-diffikultajiet li jgħaddi minnhom, hekk ukoll il-ħajja fil-familja.
X’inhu r-rwol ta’ qassis fis-soċjetà tal-lum? Min hu l-qassis?
Biex inkompli ma’ li għidt qabel – naħseb li s-saċerdot li veru jingħata għal dan l-istil ta’ ħajja b’mod integru jista’ jgħin lil ħaddieħor biex quddiem Alla u quddiemu nnifsu jiskopri l-identità sħiħa tiegħu.
X’jiġifieri li wieħed jiskopri l-identità tiegħu? Naħseb li dan isir li wieħed jiskopri u jagħraf il-verità li aħna ulied Alla. Hu jagħmel minnha nies li jħaddnu l-umanità tagħhom u jaċċettaw il-limitazzjonijiet tagħhom u l-imperfezzjoniijet ta’ dawk ta’ madwarhom.
Naħseb li l-qassis qiegħed f’sitwazzjoni li biha jista’ jgħin lil ħaddieħor jiskopri is-sejħa partikolari tiegħu b’akkumpanjament u permezz tal-grazzja tas-sagramenti.
Għaliex taħseb li tant żghażagħ mhux qed jersqu lejn il-Knisja jew is-saċerdot? Jew għad hawn żgħażagħ li jfittxu l-Knisja u s-saċerdot fil-ħajja tagħhom?
Naħseb li nkun prużuntuż ħafna jekk ngħid li għandi it-tweġiba għal mistoqsija bħal din.
Hemm min huwa ‘l bogħod mill-Knisja għal raġunijiet li twieldu frott l-esperjenza u l-istorja tal-ħajja tiegħu jew tagħha. L-istorja personali ta’ kulħadd hija differenti u partikolari.
Imma fejn qabel f’soċjetà bħal tagħna f’Malta, il-Knisja kellha rwol ċentrali fil-ħajja ta’ kulħadd, illum għandna possibiltajiet differenti u opportunitajiet differenti ukoll.
Imma l-esperjenza tiegħi hi differenti jekk ikun hemm kuntatt uman, veru u ġenwin f’ambjent tal-Knisja, u l-okkażjoni li wieħed jidħol fil-profondità u t-tifsira veru ta’ relazzjoni ma’ Ġesù u ma’ Alla. Min jiskopri il-fidi bħala xi ħaġa ta’ sostenn, fejqan u ta’ bidla għall-aħjar fil-ħajja tiegħu ma jitlaqhiex malajr. Mela li jinħolqu dawn l-opportunitajiet u li nsostnuhom f’komunità hija missjoni importanti.
Għaddi messaġġ finali lil min qed iħoss is-sejħa saċerdotali iżda qed jibża’ jwieġeb għaliha.
Is-sejħat u l-vokazzjonijiet kollha joffru element ta’ biża’ u forsi dan huwa riflessjoni tal-fatt illi ngħixu ħajja li tinkludi mumenti ta’ dawl u oħrajn ta’ dlam.
Jekk qed tħoss sejħa lejn il-ħajja saċerdotali stieden lil min u ħalli lil min jakkumpanjak fiha. Fuq kollox ibqa’ viċin il-ħajja ta’ komunità nisranija fejn kull wieħed u waħda jftittex li jgħix il-vokazzjoni tiegħu mill-aħjar li jista’.

