Saturday, December 28, 2024

Ħarab minn Malta u għal snin bla kuntatt ma’ martu u ibnu… miċħuda talba biex jieħu d-divorzju

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Missier li fis-sena 2011 kien għeb minn pajjiżna billi ħarab u għal diversi snin la għamel kuntatt ma’ martu u lanqas ma’ ibnu  tant li l-omm mingħajr ebda tip ta’ manteniment batiet ħafna biex rabbiet lil binha, tfaċċa mill-ġdid xi xhur ilu biex jieħu d-divorzju minn ma’ martu. Hi kienet fetħet proċeduri ta’ separazzjoni li kienu deċiżi fil-5 ta’ Diċembru tas-sena 2018 biex tottjeni l-kura u kustodja tal-iben minuri la darba l-missier kien għosfor ghal kollox minn ħajjithom. Il-missier kien ħarab minn Malta meta t-tifel kellu 11-il sena.  

Il-Qorti ċaħditlu t-talba għad-divorzju minn martu. Filfatt il-Qorti qalet li “ma tistax tiskarta l-fatt illi għal snin twal il-missier ma għadda l-ebda manteniment lil martu. Minkejja li ma hemm l-ebda digriet tal-Qorti jew sentenza li tobbligah jgħaddi il-manteniment, hija l-istess liġi li torbot lill-ġenituri li jmantnu lil uliedhom irrispettivament mill-fatt jekk ikunux impjegati jew le.  Wieħed mir-rekwiżiti essenzjali li jrid jiġi sodisfatt sabiex il-qorti tkun tista` tippronunzja l-ħall taż-żwieġ bejn il-partijiet huwa li l-partijiet u uliedhom qegħdin jirċievu manteniment adegwat.” Il-Qorti tgħid li dan ir-rekwiżit ma ġiex ippruvat mill-missier.

Fis-sentenza ġie spjegat li l-koppja kienet iżżewwġet fis-sena 1999 u t-tife tagħhom twieled proprju sena wara. 

Il-missier argumenta li llum il-ġurnata m’hemm ebda prospett li hu u martu jirrikonċiljaw għax ilhom jgħixu separatament għal aktar minn ghaxar snin u llum il-ġurnata għandhom ħajja separata minn xulxin. Hu argumenta ukoll li l-Qorti fis-sentenza tas-separazzjoni ma tatx manteniment favur l-omm u ghalhekk m’hemmx pendenzi bejn il-partijiet f’dan ir-rigward.  Minħabb dan il-missier talab i jixtieq jiddevorzja u jaqbel li ż-żwieġ għandu jiġi maħlul.

L-omm minn naħa tagħha oġġezzjonat u qalet li l-ħajja konjugali ta’ bejn il-partijiet ma kinitx aktar possibbli wara li l-missier ħarab minn Malta numru ta’ snin ilu, bejn wiehed u iehor fis-sena 2011 u meta t-tifel kellu biss ħdax-il sena. Qalet li  ma kellha ebda informazzjoni ta’ fejn seta’ mar il-missierr u ma kellhiex il-mezzi sabiex tiskopri dan u filfatt sa riċentement, l-omm kienet għadha qatt ma semgħet aktar bih. Qalet li minn naha tiegħu, il-missie lanqas ma għamel kuntatt ma’ matu jew ibnu f’Malta. 

Minħabba dan l-omm kellha tibda proċeduri ta’ separazzjoni personali biex tottjeni l-kura u kustodja tal-iben minuri la darba l-missier kien ghosfor ghal kollox minn ħajjithom.

Mis-sentenza ħareġ li l-omm minn dejjem abitat fid-dar tal-ġenituri tagħha u  ma’ ommha anki fiż-żwieġ, tant li  dejjem ħadet ħsieb li ddur b’ommha anzjana, sa llum-il ġurnata, li għandha l’fuq minn tmenin  sena; u għalhekk hi qatt ma setgħet taħdem billi tieħu ħsiebha. 

L-omm qalet li għal bosta raġunijiet, qatt ma seta’ jkollha impjieg u l-uniku introjtu tagħha ġie mill-benefiċċji soċjali mogħtija mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. 

L-omm spjegat li dejjem ħadet ħsieb il-kura u kustodja ta’ binha  sa llum-il ġurnata li għandu wieħed u għoxrin  sena u li għadha tieħu ħsiebu bil-mezzi limitatissimi tagħha u bl-għajnuniet tal-benefiċċji soċjali, tant li b’għaqal żammitu fl-edukazzjoni kif hekk għadu sal-lum.

L-omm spjegat li mindu l-missier sparixxa minn ħajjitha, hi batiet ħafna sabiex setgħet tħallas kolllox waħidha għat-trobbija u l-bżonnijiet kollha ta’ binha. Qalet li l-missier qatt ma taha flus jew manteniment u ma kellha ebda kuntatt jew idea ta’ fejn hu. Jirriżulta li minn mindu l-missier ħarab fis-sena 2011 sal-lum qatt ma ħallas manteniment favur it-tifel li kien minuri meta telaq u li għadu sal-lum student li qieghed jippartecipa f’edukazzjoni, taħriġ u tagħlim fultajm u huwa taħt l-età ta’ tlieta u ghoxrin sena.

L-omm talbet li la issa l-missier ġie lura għandu jibda jagħti b’lura l-manteniment lilha u lil ibnu qabel jipproċedi b’talbiet għal divorzju.

Il-Qorti qalet li  rat li minkejja li fis-sentenza ta’ separazzjoni bejn il-partijiet ma kienx hemm l-ebda dispożizzjoni fir-rigward tal-ħlas ta’ manteniment tal-minuri, dan ġara peress li l-missier ma kienx Malta u l-omm ma kinitx taf fejn jinsab. Il-Qorti qalet li l-missier xehed u qal illi matul il-perjodu twil ta’ snin li huwa ghamel barra minn Malta, kien jgħaddi manteniment lil ibnu permezz ta’ sħabu f’Malta, iżda meta mistoqsi mill-Qorti biex jgħid min huma sħabu, l-ismijiet u konjomhom biex jitilgħu jixhdu in sostenn ta’ din id-dikjarazzjoni tiegħu magħmulha taħt ġurament, il-missier lanqas ftakar isem wieħed biss u għalhekk il-Qorti tara li hu inverosimili li l-missier effettivament kien qiegħed iħallas xi manteniment lill-omm għal ibnu minuri permezz ta’ dawn it-terzi persuni.

Il-qorti qalet li l-missier xehed ukoll li dawn l-aħħar sentejn, tlieta li ilu Malta qiegħed jgħaddi xi tip ta’ manteniment lil ibnu li għadu qiegħed jistudja madanakollu ma kellu l-ebda prova ta’ dan. 

Intqa li l-qorti ma tistgħax tiskarta l-fatt illi għal snin twal il-missier ma għadda l-ebda manteniment lil martu. Illi minkejja li ma hemm l-ebda digriet tal-Qorti jew sentenza li tobbligah jgħaddi il-manteniment, hija l-istess liġi li torbot lill-ġenituri li jmantnu lil uliedhom irrispettivament mill-fatt jekk ikunux impjegati jew le. 

Qalet li wieħed mir-rekwiziti essenzjali li jrid jiġi sodisfatt sabiex il-qorti tkun tista` tippronunzja l-ħall taż-żwieġ bejn il-partijiet huwa illi l-partijiet u uliedhom qegħdin jirċievu manteniment adegwat. Illi dan ir-rekwiżit ċertament ma ġiex ippruvat mill-missier. Minħabba dan il-Qorrti tiċħad it-talbiet tal-missier.

Ekonomija

Sport