Tuesday, April 23, 2024

ĦARSIEN RESPONSABBLI TAL-QTATES

Alison Bezzina
Alison Bezzina
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali

Aqra wkoll

Il-qtates huma speċi indipendenti u meta ma jkunux qed jitgħannqu, jilagħbu jew jikkaċċjaw, iqattgħu l-bqija tal-ħin tagħhom jorqdu. Kif jista’ jgħidlek kull min irabbi xi qattus, b’mod partikolari l-qtates ma jħobbux jibdlu l-ambjent tagħhom u għalhekk għandu jkun evitat li dawn jiġu imċaqalqa minn post għall-ieħor. Madankollu, xi ħaġa li żgur iħobbu l-qtates hija li jkunu f’postijiet għoljin biex jkunu aktar komdi – post kwiet fejn ikunu jistgħu jistrieħu u jħossuhom sikuri.

Huwa importanti li tkun taf li l-qtates għandhom it-tendenza li jkunu aktar attivi matul il-lejl milli matul il-ġurnata. Madankollu, għandhom it-tendenza li jadattaw malajr u bi ftit aġġustamenti fl-imġiba, il-qtates u s-sidien tagħhom normalment jirnexxilhom jgħixu flimkien f’armonija.

YouTube video

Bħall-annimali l-oħra kollha, il-qtates huma intitolati għall-ħames libertajiet tal-annimali, li jinkludu d-dritt għall-ikel u l-ilma, kura medika, libertà mill-biża’ u mid-dwejjaq, libertà minn skumdità, u l-libertà li tesprimi mġiba normali. Dan ifisser li s-sidien tal-qtates m’għandhomx jipprovdu biss għall-bżonnijiet fiżiċi tal-qtates tagħhom iżda wkoll il-bżonnijiet psikoloġiċi tagħhom.

Filwaqt li mhuwa rakkomandabbli xejn li tħalli qattus domestiku jiġri barra waħdu, qtates li jgħixu ġewwa għandhom jiġu pprovduti b’arrikkiment adegwat bħal post komdu maġenb it-tieqa fejn ipoġġu, post fejn jigirfu d-dwiefer u ġugarelli interattivi. Huwa wkoll rakkomandabbli ħafna li l-qtates issirilhom microchip u ID Tag.

Bil-microchip u l-ID tag ikun aktar faċli li l-qattus jingħaqad ma’ sidu jekk dan jintilef. Finalment, jekk qed tikkunsidra li ġġib qattus, asal wasla sa wieħed mis-santwarji tal-qtates u addotta qattus minn hemmhekk. Jekk tagħżel li taddotta qattus (jew xi tip ta’ annimal ieħor) diġà juri li inti sid responsabbli.

Xerred dan il-messaġġ sabiex tgħinna ngħinu aktar annimali.

Sport