Wednesday, April 24, 2024

Il-klima fi Glasgow: mill-kliem għall-fatti

Aqra wkoll

Miktub minn Carmel Cacopardo – Chairperson ta’ ADPD

Bil-kliem, illum il-ġurnata, jidher li hemm qbil wiesgħa bejn il-partiti politiċi dwar il-politika li tikkonċerna t-tibdil tal-klima. Dan imma mhux il-każ. Il-qbil hu wieħed superfiċjali.

Il-politika ħadra dejjem kienet waħda olistika li tħares lejn l-ekoloġija b’għożża.  Partiti oħra bdew jaraw illum (jew dan l-aħħar) dak li aħna ilna nitkellmu dwaru is-snin. Dak li rajna snin ilu b’konvinzjoni u analiżi ħaddieħor qed jintebaħ bih issa! Pass il-quddiem, imma ċertament mhux biżżejjed. Id-dewmien biex jiftħu għajnejhom fisser iktar ħsara li baqgħet takkumula.

Ilkoll kemm aħna niffurmaw parti minn din l-ekoloġija, li tagħtina servizz siewi l-ħin kollu. Mhux lilna biss tagħti dan is-serviżż iżda lin-natura kollha. 

Dak kollu li naraw madwarna mhux tagħna. Aħna fil-fatt parti minnu. Dak li naraw hu disponibbli biex nagħmlu użu minnu. Qiegħed għandna għal ftit żmien, sakemm ngħadduh f’idejn dawk li ġejjin warajna.

Tul is-sekli l-bniedem ħares lejn l-ekoloġija b’mod differenti. Hemm min ħares lejha b’għożża. Hemm min fittex biss li jisfrutta kemm jista’. Hemm min ħaseb fil-lum biss. Hemm min ħares fit-tul u qegħda l-ħtiġijiet tiegħu jew tagħha b’responsabbiltà.

L-ekonomija u l-mod kif ngħixu mhux dejjem taw kaz tal-impatti fuq l-ekoloġija. Issa, ħafna drabi kien iktar importanti minn għada. Għax għada ma jġibx voti! Huma l-ġenerazzjonijiet tal-lum li jivvutaw. Il-ġenerazzjonijiet ta’ għada, għalissa ma jivvutawx.

L-ekoloġija kapaċi tissaporti. Imma hemm limitu dwar kemm tiflaħ tagħmel dan. Ilha snin tagħtina indikazzjonijiet li qed tixba’. Imma bosta ma tawx kaz. Għal dawk li jaħsbu li kollox jiddependi mis-suq iktar kien (u għadu) importanti l-iżvilupp tal-ekonomija u tal-kumditajiet. Il-prezz għal dan kollu ma tħallasx, għadu pendenti. 

Illum qegħdin fis-sitwazzjoni li aħna lkoll ser ikollna nħallsu l-kont kemm tal-impatti tagħna kif ukoll dawk tal-ġenerazzjonijiet li ġew qabilna u li tħallew jakkumulaw. Ġenerazzjonijiet li sfuttaw lill-ekoloġija u abbużaw mis-servizzi ekoloġiċi mingħajr ma ħasbu f’dawk li kellhom jiġu warajhom: il-ġenerazzjonijiet futuri. Il-bidla fil-klima hu l-kont bl-imgħax li qiegħed dejjem jiżdied. Kont li jrid jitħallas għax daqt jiskadi ż-żmien li nistgħu nagħmlu dan!

It-tibdil fil-klima hi riżultat ta’ dan kollu, riżultat tal-ħidma tal-bniedem tul l-aħħar mitejn sena, u iktar. Hu piz akkumulat li irċevejnieh mingħand ta’ qabilna u li għandna l-obbligu li nnaqqsuh biex dawk li ġejjin warajna jirtu dinja aħjar minn dik li writna aħna. Mhux biss għandna l-obbligu li nħallsu dan il-kont: fuq kollox irridu noqgħodu attenti u ma nżidux miegħu.

L-effetti fuqna s’issa huma l-estremi tat-temp: nixfa jew għargħar, sħana jew kesħa estrema.

Rajna l-għargħar fi Sqallija l-ġimgħa l-oħra. Iktar kmieni fis-sena rajna l-ħsara ikkawżata mill-għargħar fil-Ġermanja u fil-pajjiżi viċini.

Imma hemm effett ieħor gravi: l-għoli tal-livell tal-baħar. S’isaa għad mhux inħossu dan l-effett. Imma fl-Oċejan Paċifiku diġa hemm xi gżejjer li bdew nieżla taħt l-ilma. Hu biss kwistjoni ta’ żmien meta anke aħna fil-Mediterran ikollna nindirizzaw dan ukoll.

L-għoli tal-livell tal-baħar, bħala pajjiż gżira għandu jinteressana ħafna għax jolqotna sewwa. Jeffttwa l-infrastruttura kostali tagħna. L-infrastruttura tal-kummerċ marittimu, l-infrastruttura turistika u anke dik tal-ilma u l-enerġija lkoll marbutin mal-kosta. L-għoli tal-livell tal-baħar joħloq problemi sostanzjali f’dan kollu. Jeffttwa ukoll il-bini kollu fil-qrib tal-kosta.

Ħadd ma jaf eżatt dwar kemm, kif u meta dan ser iseħħ. L-ewwel għax il-proċess li bih dan iseħħ għad mhux mifhum biżżejjed. Imma ukoll għax għalkemm ma nistgħux nevitawh nistgħu nnaqqsu l-impatt tiegħu billi nindirzzaw u nnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju.

Repetutatament fil-laqgħat tal-UNFCCC (United Nations Framework Convention for Climate Change) li jsiru regolarment, kien hemm emfasi fuq il-ħtieġa li ż-żieda fit-temperatura globali minn kif kienet fl-era pre-industrijali ma tkunx iktar minn 1.5 gradi Celsius. Dan sar fuq insistenza tal-istati gżejjer u tal-pajjiżi sottożviluppati għax għal snin twal il-limitu raġjonevoli kien meqjus li kien ta’ 2 gradi Celsius. Pass ieħor il-quddiem. Imma mhux biżżejjed.

F’Pariġu fl-2015 kien hemm qbil bil-kliem dwar dan kollu. Imma sfortunatament il-paroli ta’ Pariġi ma kienx ikkonvertit f’fatti. Huwa dak li qed nistennew fi Glasgow.

Diskors wara l-ieħor qed jgħidulna li jeħtieġ li ngħaddu mill-kliem għall-fatti. Għad irridu naraw kemm dan ser iseħħ! Dak li hu meħtieġ li jsir hu magħruf. Jinħtieġu deċiżjonijiet iebsin. Li jonqos hi r-rieda politika li dan jitwettaq.

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairperson ta’ AD + PD. [email protected] ,   http://carmelcacopardo.wordpress.com

Sport