Marsaskala se terġa’ tospita t-tieni edizzjoni ta’ Festa Tonn nhar is-Sibt, 13 ta’ Ġunju, fi Triq ix-Xatt, bejn il-5:00pm u l-11:00pm, f’inizjattiva organizzata mis-
Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala.
Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni, Festa Tonn qed terġa’ tittella’ sabiex tkompli
tiċċelebra s-settur tas-sajd f’Malta, b’enfasi partikolari fuq l-industrija tat-tonn,
filwaqt li tkompli żżid l-għarfien dwar l-importanza tas-sajd sostenibbli, il-wirt
marittimu Malti u l-identità tal-komunitajiet kostali tagħna.
Matul l-attività, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn programm varjat ta’ attivitajiet għall-familja kollha, fosthom stands ta’ ikel ibbażat fuq it-tonn u prodotti lokali, wirjiet ta’ artiġjanat Malti, mużika live, attivitajiet edukattivi u żona apposta għat-tfal.
Se jieħdu sehem ukoll għaqdiet volontarji u esebituri marbuta mas-settu marittimu u mal-komunità lokali.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali,
Alicia Bugeja Said, qalet li “Wara r-rispons pożittiv li rċevejna matul l-ewwel
edizzjoni, ħassejna li kien importanti li Festa Tonn terġa’ tittella’ sabiex inkomplu
nqarrbu lill-pubbliku lejn is-settur tas-sajd u napprezzaw aktar il-ħidma importanti li jwettqu kuljum is-sajjieda Maltin u Għawdxin. Festa Tonn mhux biss tiċċelebra l-
prodotti lokali friski tagħna, iżda wkoll il-kultura marittima u l-identità tal-
komunitajiet kostali tagħna.”
Hija żiedet tgħid li inizjattivi bħal dawn ikomplu jsaħħu r-rabta bejn il-komunitajiet u s-settur tas-sajd, filwaqt li jkomplu jqajmu aktar għarfien dwar is-sostenibbiltà u l-importanza li nappoġġjaw il-prodotti lokali.
Id-Direttur tas-Servizzi ta’ Appoġġ fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u
d-Drittijiet tal-Annimali, Estelle Sant, qalet li l-attivitajiet differenti li qed jiġu organizzati matul is-sena għandhom l-għan li jirrikonoxxu l-ħidma mwettqa mis-
sajjieda u l-bdiewa Maltin u Għawdxin, filwaqt li jkomplu jħeġġu aktar nies jagħżlu prodotti lokali friski u sostenibbli.
Festa Tonn se tittella’ nhar is-Sibt, 13 ta’ Ġunju, bejn il-5:00pm u l-11:00pm, fi Triq ix-Xatt, Marsaskala.


