Friday, May 15, 2026

L‑ORDINAZZJONI TA’ TLIET SAĊERDOTI ĠODDA

Aqra wkoll

 Il‑Knisja f’Malta se tiċċelebra l-ordinazzjoni ta’ tliet saċerdoti ġodda nhar is‑Sibt, 16 ta’ Mejju 2026. L‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi se jordna saċerdoti lil: Rev. David Pace  mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl; Rev. Ryan Dalli mal-Aħwa Minuri Kapuċċini; u Rev. Jerome Barnabas, seminarist tal‑Istitut għall‑Evanġelizzazzjoni tad‑Dinja – ICPE.

Il‑quddiesa tal‑ordinazzjoni se ssir fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann fil‑Belt Valletta fid‑9:30am u se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook Malta.

Bi tħejjija għall‑ordinazzjoni presbiterali, se ssir velja ta’ talb nhar il-Ħamis 14 ta’ Mejju  fis‑7:15pm fil‑Kappella tal-Oratorju tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl f’Birkirkara. Kulħadd mistieden u mħeġġeġ jingħaqad magħhom fit-talb.

Il‑Knisja tkompli tistieden liż‑żgħażagħ biex jirriflettu u jwieġbu b’qalb kbira u ġeneruża għas‑sejħa li jista’ jkollhom għal ħajja saċerdotali jew reliġjuża. Iktar dettalji jinkisbu minn seminaryvocationscentre.mt.

Dwar is‑saċerdoti ġodda

Rev. David Pace MSSP,minn Ħal Safi, għandu 37 sena u beda l-mixja tal-formazzjoni tiegħu mas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fl-2015. Sa dak iż-żmien kien jaħdem bħala infermier l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei. David għamel in-novizzjat fid-Dar Internazzjonali tal-MSSP f’Manila fil-Filippini. Wara kompla bl-istudji tiegħu tal-Filosofija fl-Università ta’ Malta. F’Manila studja t-Teoloġija f’Loyola School of Theology. Matul dawn is-snin esperjenza wkoll il-ħajja missjunarja fil-Perù, u serva bħala djaknu fl-Awstralja. Rev. David jixtieq li jkun ta’ servizz għal kull min jiltaqa’ miegħu, bħala missjunarju u saċerdot.

Fra Ryan Dalli OFM Cap., minn Ħaż-Żabbar, għandu 35 sena u ngħaqad mal-Aħwa Minuri Kapuċċini fl-2013 fi ħdan il-Provinċja Maltija. Għalih is-saċerdozju hu wieħed mill-ħafna modi kif jgħix il-kariżma Kapuċċina fil-fraternità u fil-minorità u kif jaqdi fil-Knisja. Fra Ryan bħalissa qed jistudja għall-Masters fil-Youth and Community Studies u hu responsabbli minn proġett fi ħdan il-Provinċja Maltija li għandu l-għan li jiftaħ il-kariżma Kapuċċina għal kulħadd permezz ta’ esperjenza immersiva fil-ħajja tal-patrijiet. Ispirat minn Kristu u San Franġisk, jaspira li jkun saċerdot li jippermetti lil dawk li jiltaqa’ magħhom, b’mod partikolari liż-żgħażagħ, iħossu l-għożża, is-sostenn u l-imħabba tal-Knisja, Knisja li ssir ta’ fraternità għal kulħadd.

Rev. Jerome Barnabas, minn Bangalore fl-Indja, għandu 38 sena. Ingħaqad mas-Seminarju tal-Missjoni ICPE f’Malta fl-2016. Għalih is-saċerdozju huwa meqjus bħala vokazzjoni personali minn Alla u jħoss privileġġ profond li jilqgħu. Qabel il-formazzjoni tiegħu, Rev. Jerome kien jaħdem bħala bankier. Ilu jgħix f’Malta għal għaxar snin, fejn temm il-formazzjoni u l-istudji kollha tiegħu għas-saċerdozju, inkluż l-Liċenzjat fit-Teoloġija Sagra. Matul dawn l-aħħar snin serva fi tliet parroċċi u bħalissa qed jagħti servizz fil-parroċċa ta’ Marsaskala. Bħala saċerdot missjunarju, Rev. Jerome jfittex li jsir jaf lil Kristu aktar fil-fond u li jagħmlu magħruf lill-oħrajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport