Heritage Malta se tiftaħ il-bibien tal-Forti Bengħisa għall-pubbliku nhar is-Sibt 23 ta’ Mejju. Dan l-avveniment joffri lill-viżitaturi l-ewwel opportunità biex jesploraw il-
forti wara li għadda f’idejn l-aġenzija, qabel ma jibdew ix-xogħlijiet biex ikun jista’
jiġi aċċessat mill-pubbliku b’mod sostenibbli.
Il-forti se jiftaħ bejn l-10:00 am u l-4:00 pm, u l-viżitaturi se jkunu jistgħu jesplorawh
bil-pass tagħhom jew billi jingħaqdu f’waħda mid-dawriet gwidati li se jkunu qed
isiru kull siegħa u jalternaw bejn il-Malti u l-Ingliż, fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel
jinqeda l-ewwel.
F’dawn id-dawriet, il-pubbliku se jkun jista’ japprezza s-sit fl-istat kurrenti tiegħu
filwaqt li jifhem aħjar il- kobor, it-tqassim u s-sinifikat storiku tiegħu. Wara, il-forti se
jingħalaq mill-ġdid biex jibda l-vjaġġ tiegħu lejn kapitlu isbaħ ta’ aċċessibbiltà
mtejba u preservazzjoni dejjiema.
Misjub f’Birżebbuġa, il-Forti Bengħisa għandu tifsira partikolari billi huwa l-aħħar
fortifikazzjoni li nbniet bl-istil Vittorjan fil- Gżejjer Maltin, bejn l-1900 u l-1902.
Għalkemm mibni b’mod ħafna inqas raffinat minn fortifikazzjonijiet oħra, huwa
jibqa’ l- akbar wieħed fosthom f’termini tal-medda li jkopri, jiġifieri madwar 45,000
metru kwadru.
Mill-pjanijiet oriġinali biex tinbena biss batterija li tħares id-daħliet tal-port ta’
Marsaxlokk, għal bidliet fl-istrateġija militari matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-għeluq
tal-forti f’nofs is-seklu 20, is-sit jirrifletti bidliet usa’ fl-istorja tad-difiża kostali ta’
Malta.
Wara snin twal ta’ aċċess pubbliku limitat, dan l-ispazju storiku issa se jerġa’ jikseb
id-dinjità li jistħoqqlu, bir-restawr tiegħu mmirat li jkun ta’ benefiċċju għall-komunità.
Id-dħul għall-ftuħ speċjali tal-forti huwa bla ħlas, u m’hemmx bżonn jinqatgħu
biljetti. Il-viżitaturi huma mħeġġa jilbsu żraben komdi u magħluqin adattati għall-
mixi minħabba li l-art mhix lixxa f’partijiet tas-sit.
Ħwejjeġ ħfief u kpiepel huma wkoll rakkomandati. Xorb, ikel ħafif kif ukoll
merchandise se jkunu għall-bejgħ fuq il-post. Is-sit mhuwiex aċċessibbli b’siġġu
tar-roti u mhux adattat għal pushchairs. It-tfal għandhom ikunu dejjem
akkumpanjati minn adult.
Il-viżitaturi huma avżati wkoll biex joqogħdu attenti, isegwu s-sinjali kollha tas-
sigurtà, u ma jidħlux f’żoni mmarkati bħala ristretti jew mhux siguri.


