Il-kumpanija Harbinson Forensics allegatament tħallset għal kontijiet doppji li bagħtet għal numru ta’ ġranet ta’ xogħol li suppost sar b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet.
IT-TORĊA hija informata li l-Qorti m’għamlitx disponibbli l-invoices kollha mibgħutin minn Harbinson Forensics, il-kumpanija mmexxija mill-espert ewlieni tal-inkjesta, l-Irlandiż Jeremy Harbinson. Huwa stmat li l-Qorti ma tatx madwar terz tal-invoices li bejniethom ikopru kważi 40 fil-mija tal-ħlasijiet li saru lil Harbinson Forensics Ltd.
IT-TORĊA tista’ tiżvela li fl-invoices li ntbagħtu mill-kumpanija ta’ Jeremy Harbinson u li huma disponibbli, hemm uhud li allegatament jindikaw li kien hemm ġranet ta’ xogħol li għalihom intbagħat kont doppju. Dan ifisser li hemm probabbilità kbira li l-Qorti spiċċat ħallset iktar minn kemm suppost lil Harbinson Forensics.
Mill-invoices li huma disponibbli, hemm 6 li kellhom ġurnata jew numru ta’ ġranet mill-perjodu li kienu jkopru, li kienu doppji. F’dawn l-invoices hemm tlett ijiem f’xhur differenti fis-sena 2023 u fis-sena 2024, li għalihom jidher li ntbagħat kont doppju lill-Qorti. IT-TORĊA hija informata li huwa stmat li f’dawn it-tlett t’ijiem tħallsu madwar 111-il siegħa doppja.
Dan ifisser li kien hemm ħlas żejjed ta’ €25,530 li magħhom trid tiżdied il-VAT ta’ 18 fil-mija li l-Qorti weħlet żejda u li tammonta għal €4,595. Għalhekk fuq dak li huwa magħruf, b’kollox il-Qorti ħarġet €30,125 fi ħlasijiet doppji lill-kumpanija ta’ Jeremy Harbinson.
Espert legali li tkellem ma’ din il-gazzetta qal li meta wieħed iqis li mhux l-invoices kollha huma disponibbli, bl-ebda mod mhu eskluż li hemm ġranet oħra li għalihom sar ħlas doppju. L-istess espert qal li ma jkunx sorpriż li l-ispiża ta’ ħlasijiet li Harbison Forensics talbet b’mod doppju, taqbez il-€50,000.
Fl-affidavit li ppreżenta lill-Qorti fl-10 ta’ Frar, fejn qal li bl-ebda mod mhu se jkun qiegħed jiffaċċja l-mistoqsijiet tal-avukati difensuri fuq ir-rapport tal-inkjesta tal-isptarijiet, li fi kliemu stess huwa ikkordina x-xogħol kollu fuqu, Jeremy Harbinson bil-ġurament qal illi l-kumpanija tiegħu tat rendikont tax-xogħol kollu li twettaq u tas-sigħat li nħadmu kull ġimgħa.
Skont l-espert Irlandiż allegatament dan ir-rendikont ġie skrutinizzat u ċċertifikat mill-Qorti u mill-Maġistrat inkwirenti Gabriella Vella kull ġimgħa qabel ma sar il-ħlas. Jidher iżda li dan il-ħlas doppju ma nqabadx f’dan is-suppost proċess ta’ ċertifikazzjoni u l-ħlasijiet mhux dovuti lil Harbinson Forensics, saru mingħajr ebda problemi.
Il-ġimgħa li għaddiet IT-TORĊA żvelat li l-kumpanija ta’ Harbinson tħallset għax-xogħol fuq l-inkjesta saħansitra qabel ma inħatret biex twettaq dan l-istess xogħol. Filwaqt li l-esperti kollha fl-inkjesta tal-isptarijiet inħatru b’digriet tal-Maġistrat Gabriella Vella, li jġib id-data tat-2 ta’ Settembru tas-sena 2020, Harbinson Forensics tħallset kont ta’ 6,700 lira sterlina relatat mal-istess inkjesta, qabel din id-data.
L-inkjesta kkordinata minn Jeremy Harbinson swiet €11-il miljun, damet għaddeja ħames snin u kienet ippublikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda.
Fuq il-bażi tar-rapport, li issa b’kull mod l-espert Irlandiż qed jirrifjuta li jixhed dwaru, ħarġu sensiela ta’ akkużi mill-iktar serji fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u inħarġu wkoll numru kbir ta’ ordnijiet ta’ ffriżar tal-assi.
Jekk mhux sejjer zbaljat suppost li hemm kumitat li jmexxi dawn laffarijiet tal qorti.Xaghmel jew xqed jaghmel dan il kumitat dwar dawn laffarijiet.