Harry Kane ħabbar li jinsab ferm qrib li jiffirma kuntratt ġdid ma’ Bayern Munich, bil-ftehim mistenni jintlaħaq fil-jiem li ġejjin.
Il-captain tat-team nazzjonali Ingliż ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet lejliet il-konfront ta’ Bayern kontra Atletico Madrid tal-UEFA Champions League.
Kane kkonferma li d-diskussjonijiet li saru matul tmiem il-ġimgħa u nhar it-Tnejn marru tajjeb u li l-biċċa l-kbira tal-punti ewlenin tal-kuntratt diġà ġew solvuti. Fadal biss xi dettalji żgħar li jridu jiġu ffinalizzati mill-avukati.
L-attakkant ta’ 33 sena ngħaqad ma’ Bayern fl-2023 mingħand Tottenham Hotspur u jinsab interessat li jkompli l-esperjenza tiegħu fi Munich.




