Heritage Malta, b’kollaborazzjoni mad-disinjaturi tal-moda Charles & Ron, nediet wirja ta’ moda mnebbħa mill-arazzi tal-Palazz tal-Gran Mastru.
Fil-wirja, bl-isem ‘Imnebbħin mill-istorja: Mill-arazzi għall-moda kontemporanja’, hemm esebiti sitt ilbiesi fil-kuritur li jwassal għas-Sala tal-Arazzi fl-istess palazz. Kemm l-arazzi kif ukoll is-sala għadhom kemm ġew restawrati.
Charles & Ron ġentilment taw waħda mill-ilbiesi lil Heritage Malta biex tibqa’ tifforma parti mill-kollezzjoni nazzjonali tat-tessuti taħt il-ħarsien tal-aġenzija.

L-ilbiesi esebiti fil-wirja huma parti mill-kollezzjoni ta’ Charles & Ron bl-isem ‘GIOIA’, li l-istilisti ħolqu għall-ħarifa u x-xitwa tal-2021/22.
Il-kollezzjoni tnebbħet mill-arazzi tal-Palazz tal-Gran Mastru, li kienu parti mill-‘gioia’ tal-Gran Mastru Ramon Perellos, jiġifieri r-rigal tiegħu lill-Ordni ta’ San Ġwann fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu.
Minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija tal-Covid-19, il-kollezzjoni qatt ma ġiet ippreżentata pubblikament. Għalhekk, din is-sena – meta Heritage Malta qed tiċċelebra r-ritorn tal-arazzi mill-Belġju fejn ġew restawrati kif ukoll it-tlestija tar-restawr tas-Sala tal-Arazzi – offriet opportunità ideali biex Heritage Malta u Charles & Ron jikkollaboraw flimkien fil-ħolqien ta’ din il-wirja. Il-kollaborazzjoni inkludiet ukoll sfilata ta’ moda f’wieħed mill-kurituri tal-Palazz tal-Gran Mastru, li matulha ntweriet il-kollezzjoni sħiħa ‘GIOIA’.

Il-wirja, li se tibqa’ għaddejja sal-aħħar ta’ Awwissu li ġej, tiċċelebra r-rikkezza tax-xeni eżotiċi ta’ flora u fawna minsuġin fl-arazzi storiċi filwaqt li tagħti interpretazzjoni ġdida lil tliet xeni partikolari li jidhru fihom. B’hekk id-disinjaturi għaqqdu l-imgħoddi mal-preżent u ħolqu viżwal li għandu għeruq storiċi iżda huwa kontemporanju fl-istess ħin.
Il-libsa li se tibqa’ fil-kollezzjoni nazzjonali tat-tessuti hija mnebbħa mix-xena tal-arazzi magħrufa bħala ‘Iż-Żiemel bl-Istrixxi’.
Din hija libsa ta’ filgħaxija, irrakkmata u b’lewlu mwaħħal bl-idejn, u għandha kmiem twal, għonq għoli, u stil li jissikka mal-figura u jinfetaħ ħafif lejn il-keffa. Il-varjetà tal-kuluri tagħha toffri interpretazzjoni kontemporanja tal-ilwien oriġinali tal-arazzi. L-isfumaturi ħodor orġinali ġew manipulati b’mod diġitali u trasformati fi sfumaturi roża, u b’hekk inħoloq djalogu viżiv modern bejn l-arti storika tat-tessuti u d-disinn tal-moda kontemporanja.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-wirja u l-għotja tal-libsa, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li din hija t-tieni darba fi ftit snin li Charles & Ron qed jagħmlu donazzjoni għall-kollezzjoni nazzjonali u rringrazzjahom mill-qalb għax għotjiet bħal dawn huma turija ta’ fiduċja li jsaħħu l-grinta ta’ Heritage Malta biex tkompli tħabrek ħalli twettaq il-missjoni tagħha għall-ġid tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Żied jgħid li din il-wirja hija eżempju perfett u fil-prattika tal-messaġġ li trid twassal Heritage Malta meta tisħaq li wirtna huwa ħaj. “Meta ngħidu hekk, irridu nfissru li f’dinja li tinbidel il-ħin kollu u b’mod mgħaġġel, il-patrimonju tagħna jfakkarna min aħna u minn fejn ġejjin filwaqt li joffrilna pont ta’ kontinwità mal-ġejjieni. U rridu nfissru li huma n-nies li jagħtu l-ħajja lis-siti storiċi, il-palazzi u l-mużewijiet. Charles & Ron irnexxielhom jagħtu xhieda ta’ dan kollu meta l-mudelli tagħhom libsu l-istorja,” qal Noel Zammit.



