Friday, July 3, 2026

“Motivazzjoni biex inkomplu ntejbu s-servizz tagħna” 

- l-Inġinier Ryan Fava - Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta

Aqra wkoll

L-Enemalta ġiet rikonoxxuta waqt il-Public Service Awards b’żewġ unuri prestiġjużi: The Special Effort Award lit-tim tad-Distribuzzjoni u l-President’s Award għall-ħidma li saret waqt il-maltempata Harry. Għaċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Ryan Fava, dawn il-premjijiet huma xhieda tal-impenn u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema kollha tal-korporazzjoni. 

“Dawn il-premjijiet ifissru ħafna għalina. Huma rikonoxximent lejn il-ħaddiema kollha tal-Enemalta li kuljum, ħafna drabi f’kundizzjonijiet diffiċli, jagħmlu minn kollox biex il-pajjiż ikollu provvista tal-elettriku stabbli u affidabbli,” qal Fava.

L-Inġinier Ryan Fava ilu jmexxi l-Enemalta bħala Chairman Eżekuttiv sa minn Ottubru tal-2023. Gradwat fl-Inġinerija mill-Università ta’ Malta u bi kwalifiki avvanzati mill-Università ta’ Brunel f’Londra, huwa ġab miegħu esperjenza vasta mis-settur privat.

Matul dawn l-aħħar snin, huwa mexxa programm intensiv ta’ investiment u modernizzazzjoni fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku.

Dwar il-President’s Award relatat mal-maltempata Harry, Fava jfakkar il-mumenti diffiċli li għadda minnhom il-pajjiż.

“Il-maltempata kienet sfida kbira. Kellna diversi każijiet fejn siġar u arbli waqgħu u kkawżaw ħsarat fin-network. Minkejja dan, il-ħaddiema tagħna kienu fil-postijiet milquta minnufih u għamlu dak kollu li setgħu biex jirrestawraw il-provvista kemm jista’ jkun malajr.”

Huwa qal li f’ċirkostanzi bħal dawn mhux dejjem ikun possibbli li s-servizz jiġi restawrat immedjatament minħabba perikli relatati mas-sigurtà.

“Meta jkollok siġar jew arbli li waqgħu fuq il-linji tal-elettriku, l-ewwel prijorità hija s-sigurtà. Iżda anke f’dawn il-kundizzjonijiet diffiċli, il-ħaddiema tagħna baqgħu jaħdmu bla waqfien biex innaqqsu kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-familji u n-negozji.”

The Special Effort Award lit-tim tad-Distribuzzjoni min-naħa l-oħra, jirrifletti x-xogħol kontinwu li qed isir biex in-network tal-pajjiż ikun aktar reżiljenti.

“Dan il-premju jagħtina aktar saħħa biex inkomplu naħdmu. Bla dubju li l-investimenti li qed nagħmlu u l-isforzi tal-ħaddiema tagħna qed jiġu rikonoxxuti. Fl-istess waqt, ifakkarna li rridu nibqgħu ntejbu u nsaħħu s-servizz tagħna.” 

Fava qal li l-Enemalta qed tkompli timplimenta diversi proġetti infrastrutturali li għandhom l-għan li jsaħħu n-network f’żoni differenti tal-pajjiż.

“Qed nagħmlu tisħiħ sostanzjali fin-network tad-distribuzzjoni. Għaddejjin b’numru ta’ proġetti ta’ rinfurzar u qed nidentifikaw iż-żoni fejn hemm bżonn aktar investiment sabiex inkomplu ntejbu r-reżiljenza tan-network.”

Fost dawn il-proġetti hemm xogħol importanti fil-lokalità ta’ Birkirkara.

“Waħda mill-isfidi li kellna kienet il-ħsara li seħħet f’Santa Venera meta kuntrattur aċċidentalment laqat cable li kien qed iġorr il-kurrent. Din il-ħsara ħolqot sfida sinjifikanti, iżda fl-istess ħin urietna kemm hu importanti li nkomplu noħolqu aktar flessibbiltà fin-network.”

Huwa spjega li din is-sitwazzjoni serviet biex jiġu identifikati punti fejn hemm bżonn aktar tisħiħ.

“Qed naħdmu biex insaħħu aktar iż-żona ta’ Valley Road f’Birkirkara permezz ta’ cable ġdid ta’ high tension. Peress li kien hemm xogħlijiet fit-toroq u kienu diġà miftuħa, sfruttajna l-opportunità biex inkomplu b’dan il-proġett. Ix-xogħlijiet jinsabu madwar nofshom lesti u meta jitlestew se jkomplu jtejbu l-affidabbiltà tan-network f’din iż-żona.” 

Matul ix-xhur tas-sajf, l-Enemalta tiffaċċja sfidi partikolari minħabba ż-żieda fid-domanda għall-elettriku.

“Is-sajf illum sar staġun ta’ sfida kbira. F’ċerti aspetti, il-konsum li qed naraw fis-sajf saħansitra qabeż dak tax-xitwa. Dan mhux biss jiġri f’Malta, iżda qed narawh ukoll f’pajjiżi oħra.”

Skont Fava, it-temperaturi għoljin iwasslu biex il-konsum jiżdied b’mod sostanzjali, partikolarment minħabba l-użu mifrux tas-sistemi ta’ tkessiħ bħall-arja kundizzjonata.

“Meta t-temperaturi jogħlew, in-nies naturalment jużawhom aktar flimkien ma’ xi sistemi oħra ta’ tkessiħ. Dan ifisser aktar domanda fuq in-network u aktar pressjoni fuq il-cables li jkunu qed iġorru l-kurrent.”

Huwa spjega li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-cables jisħnu aktar u jiżdied ir-riskju ta’ ħsarat.

“Kull sistema għandha punti li jistgħu jkunu aktar vulnerabbli minn oħrajn. Jista’ jkun hemm joint jew parti partikolari li ssir il-punt id-dgħajjef tas-sistema. F’dinja ideali ma jkollok qatt ħsarat, iżda fil-prattika dejjem jista’ jinqala’ xi inċident fuq kwalunkwe cable.”

Madankollu, Fava sostna li l-Enemalta llum għandha aktar flessibbiltà biex tindirizza dawn is-sitwazzjonijiet.

“L-investimenti li għamilna qed jagħtuna aktar għażliet. Meta jkun hemm problema fuq cable wieħed, f’ħafna każijiet nistgħu ndawru lill-konsumaturi fuq cable ieħor. Dan inaqqas b’mod sinifikanti n-numru ta’ nies li jibqgħu mingħajr provvista.” 

Barra minn hekk, il-kumpanija investiet ukoll fit-teknoloġija sabiex ir-rispons ikun aktar rapidu.

“Fil-passat, il-ħaddiema tagħna kienu jridu jmorru fiżikament f’substation, jagħmlu l-ittestjar meħtieġ u mbagħad idawru l-provvista. Illum investejna f’sistemi li jippermettulna nagħmlu ħafna minn dawn l-operazzjonijiet direttament mill-control room.”

Skont Fava, dan ifisser li f’ċerti każijiet il-provvista tista’ tiġi restawrata fi ftit minuti.

“Il-ħaddiema tagħna jibqgħu indispensabbli u dejjem ikunu lesti jintervjenu meta jkun hemm bżonn, iżda t-teknoloġija qed tippermettilna naġixxu aktar malajr u b’aktar effiċjenza.”

Hekk kif l-Enemalta tħares lejn il-futur, l-Inġinier Ryan Fava jinsisti li l-kumpanija se tkompli tinvesti fl-infrastruttura tagħha u tibni fuq ir-riżultati miksuba.

“Dawn il-premjijiet huma ta’ sodisfazzjon kbir, iżda fl-istess ħin huma wkoll motivazzjoni biex inkomplu ntejbu s-servizz tagħna. L-impenn tagħna huwa wieħed ċar: li nibnu network aktar b’saħħtu, aktar modern u aktar reżiljenti għall-benefiċċju tal-pajjiż kollu.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport