Friday, July 3, 2026

Lyndsay Pace Finalista fl-InterContinental Music Awards 2026

Aqra wkoll

Il-kantawtrici Maltija Lyndsay Pace kisbet rikonoxximent internazzjonali wara li ġiet magħżula bħala finalista fl-InterContinental Music Awards (ICMA) 2026 bis-single tagħha tal-Malta Eurovision Song Contest “Fireproof” fil-kategorija Europop.

L-InterContinental Music Awards huma fost l-aktar kompetizzjonijiet internazzjonali prestiġjużi fil-qasam tal-mużika, u jiġbru flimkien artisti minn madwar id-dinja biex jiċċelebraw it-talent, il-kreattività u d-diversità kulturali. Imwaqqfa fl-2011 u bbażata f’Los Angeles, California din il-kompetizzjoni toffri pjattaforma internazzjonali lil artisti indipendenti u emerġenti, filwaqt li tippromwovi l-mużika bħala mezz li jgħaqqad kulturi differenti.

Lyndsay qalet li tħossha tassew onorata b’dan ir-rikonoxximent internazzjonali. “Li nkun finalista f’kompetizzjoni ta’ dan il-livell huwa unur kbir għalija. Din il-kisba timmotivani biex inkompli naħdem u noħloq mużika li tilħaq udjenzi ġodda madwar id-dinja. Nirringrazzja lil kull min dejjem emmen fija u appoġġjani tul din il-mixja.”

Ir-rebbieħa tal-InterContinental Music Awards 2026 se jitħabbru waqt iċ-ċerimonja uffiċjali online fit-23 ta’ Awwissu 2026, li se tlaqqa’ flimkien artisti u professjonisti tal-industrija tal-mużika minn diversi pajjiżi biex jiċċelebraw l-eċċellenza artistika fuq livell internazzjonali.

Din il-kisba prestigjuza timmarka pass ieħor importanti fil-karriera ta’ Lyndsay u tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha fix-xena mużikali internazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport