Tifel Kanadiż ta’ 11-il sena miet kawża tar-rabbja (rabies) wara li qam mill- irqad u sab farfett il-lejl fuq imnieħru u ħalqu. L-inċident seħħ waqt li t-tifel kien fuq żjara f’dar żgħira f’Ontario mal-familja tiegħu fl-2024, skont rapport fil-Canadian Medical Association Journal ippubblikat nhar it-Tnejn li għadda.
Il-ġenituri tat-tifel ma fittxewx kura medika immedjata minħabba li binhom ma kellux ġrieħi viżibbli u ma ħasbux li l-gdim tal-farfett il-lejl kien se jikkawża danni fiżiċi fuq it-tifel.
Iżda 19-il jum wara, it-tifel beda jħoss tnemnim u nefħa fuq wiċċu. Il-Ġurnal tal-Assoċjazzjoni Medika Kanadiża rrapporta li l-familja tiegħu ħaduh għall-kura ta’ emerġenza matul il-jiem ta’ wara.
Għall-ewwel, it-tobba ta klinika tal-emerġenza ppreskrivew lit-tifel mediċina antivirali użata biex tikkura infezzjonijiet ikkawżati minn viruses tal-herpes peress li ħasbu li seta’ kellu paraliżi temporanja tal-muskoli tal-wiċċ fuq naħa waħda.
It-tifel żviluppa deni għoli flimkien ma’ diffikultà biex jibla’, konfużjoni u alluċinazzjonijiet viżwali waqt li kien qed jistenna li jiddaħħal l-isptar. Il-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar u huwa ġie intubat u ddaħħal fit-taqsima tal-kura intensiva pedjatrika.
Tobba fid-Dipartiment tal-Pedjatrija u s- Saħħa tat-Tfal tal-Università ta’ Manitoba, il-Kanada qalu li ssuspettaw li t-tifel kien infettat bir-rabbja. Jiem wara, eżami mediku ikkonferma li dan kien il-każ.
L-Aġenzija Kanadiża għall-Ispezzjoni tal- Ikel identifikat ukoll varjant tal-virus tar-rabbja tal-farfett il-lejl. It-tifel miet 17-il jum wara li ddaħħal l-isptar. L-infezzjonijiet tar-rabbja huma rari fil-Kanada. Kien hemm biss 28 persuna li mietu minħabba r-rabbja fil-pajjiż mill-1924, skont l-Assoċjazzjoni Medika Veterinarja Kanadiża.
Fuq il-website tagħha, l-Assoċjazzjoni iżda ddikjarat li ir-rata baxxa ta’ rabbja fil-Kanada hija dovuta għal programmi ta’ tilqim mifrx u kontinwi, iżda jekk dawn il-programmi ta’ tilqim ma jitkomplewx jista’ jirriżulta fir-ritorn tal-marda.
Ir-rapport fil-Canadian Medical Association Journal iwissi li kwalunkwe kuntatt dirett uman ma friefet il-lejl għandu jiġi trattat medikament b’mod immedjat. L-infezzjoni kważi dejjem hija fatali ladarba jiżviluppaw is-sintomi, jiddikjara l-istess rapport.


