Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia ħabbret li l-għajnuna li jingħataw żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-35 sena li jmorru jagħmlu xogħol ta’ volontarjat barra l-pajjiż, se tkun qed tirdoppja. “Bħala parti mill-iskema tal-Youth Voluntary Overseas (YVO) dawk kollha li jmorru jagħmlu esperjenzi ta’ volontarjat barra minn xtutna se jkunu qed jaraw l-għotja tiżdied minn €15 għal €30 kuljum,” qalet il-Ministru Farrugia. Dan ifisser li żgħażagħ li jagħmlu xogħol volontarju jistgħu jaraw żieda fl-għotja massima ta’ €1,350. Minn din is-sena l-għaqda tista’ żżid ukoll leader ta’ aktar minn 35 sena sabiex jikkoordina u jmexxi l-proġett.
Il-Ministru spjegat kif din hija l-ewwel wegħda elettorali mill-manifest Int Malta li qed iwettaq il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u se tfisser aktar inkoraġġiment biex aktar żgħażagħ jkunu parti minn esperjenzi simili. “L-esperjenza tal-volontarjat hija dejjem waħda prezzjuża u sabiħa ħafna. Imma l-volontarjat barra minn xtutna, speċjalment fejn hemm nies li għaddejjin minn tbatijiet kbar hija minnha nnifisha esperjenza mill-aktar nobbli.”
Fl-aħħar 9 snin, 182 żagħżugħ u żagħżugħa minn 43 għaqda volontarja Maltija u Għawdxija gawdew minn din l-iskema wara li għamlu esperjenza ta’ volontarjat barra minn xtutna. Dan b’investiment totali ta’ €227,000 permezz tal-iskema YVO maħruġa mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS).
Quddiem numru ta’ żgħażagħ li diġà kellhom l-esperjenza ta’ volontarjat barra minn xtutna kif ukoll oħrajn li se jkunu qed imorru fiż-żmien li ġej, kien spjegat kif il-perjodu minimu ta’ din il-ħidma hija ta’ ġimagħtejn filwaqt li l-perjodu massimu huwa ta’ tliet xhur.
Il-Ministru Julia Farrugia ħabbret ukoll li se jkun qed jiżdied il-massimu mogħti lil dawn iż-żgħażagħ f’għajnuna, minn €2,500 bħalissa għal €3,650. Din l-għotja tkopri diversi spejjeż u assigurazzjoni.
Permezz ta’ din l-iskema, voluntiera Maltin u Għawdxin diġà għamlu esperjenzi f’għadd ta’ pajjiżi bħal Kenya, il-Ghana, il-Filippini, il-Kambodja, il-Paragwaj u l-Perù fejn kienu ta’ għajnuna fil-bini ta’ skejjel u tagħlim, għamlu titjib fil-faċilitajiet sanitarji, qassmu ikel u mexxew kampanji ta’ għarfien, pereżempju dwar l-iġjene u s-saħħa.
Il-Ministru Farrugia qalet li fis-sena dedikata għall-Volontarjat il-Gvern Malti qed jibgħat messaġġ b’saħħtu fuq kemm verament nemmnu fil-ħidma prezzjuża tal-voluntiera. Hija temmet tfakkar li din hija miżura oħra f’elenku ta’ miżuri li saru diġà u oħrajn li għad iridu jkunu implimentati, “proprju matul din is-sena li matulha d-dinja qed tfakkar fil-ħidma prezzjuża tal-volontarjat.”
Iż-żgħażagħ Jake Micallef Arpa u Amy Caruana, mill-organizzazzjoni Youths Marsaskala, qasmu kif din l-iskema se tkun ta’ għajnuna għalihom biex iwettqu l-ħolma tagħhom li, bħala koppja, jagħmlu esperjenza ta’ volontarjat barra minn Malta flimkien. Huma saħqu li din l-opportunità mhux biss se tippermettilhom jagħtu sehemhom lill-komunitajiet li se jżuru, iżda wkoll tikber l-esperjenza personali tagħhom u ssaħħaħ il-valuri ta’ solidarjetà u volontarjat.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS) Mauro Pace Parascandalo, qal li huwa ta’ pjaċir li tara daqstant entużjażmu għal skema li toffri opportunità unika lil ħafna żgħażagħ. “Għaldaqstant nagħmel appell lil aktar żgħażagħ sabiex iħarsu lejn din l-iskema, tal-YVO. Biha, apparti volontarjat u għajnuna, se ssibu perspettivi, kulturi u dinjiet differenti li bihom timmaturaw kemm waqt li tkunu qegħdin hemmhekk, u anki wara meta tiġu lura u jkollkom mod aktar wiesa’ u matur ta’ kif tħarsu lejn il-ħajja.”
L-applikazzjonijiet, li huma miftuħa matul is-sena kollha għal kull min jixtieq jagħmel dawn l-esperjenzi, jinsabu fuq il-portal tal-MCVS volunteers.mt.
Kull applikazzjoni trid issir permezz ta’ għaqda rreġistrata u konformi mal-Uffiċċju tal-Kumissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.


