Wednesday, December 25, 2024

Heritage Malta toffri esperjenza ta’ żewġ mużewijiet u knisja billejl waqt in-Notte Bianca

Aqra wkoll

Tliet siti ta’ Heritage Malta fil-Belt Valletta se jibqgħu miftuħin tard billejl u joffru dħul b’xejn matul in-Notte Bianca ta’ din is-sena, li se ssir is-Sibt, 1 ta’ Ottubru. Għadd ta’ artefatti li Heritage Malta akkwistat dan l-aħħar se jkunu għall-wiri wkoll fis-Sala tal-Ambaxxaturi fil-Berġa ta’ Kastilja.

Kemm il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija kif ukoll MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-
Arti, se jkollhom ħinijiet estiżi u se jkunu miftuħin bejn is-6:00pm u nofsillejl.

F’tal-ewwel, il-viżitaturi jistgħu jgawdu l-esperjenza affaxxinanti tal-preistorja u l-
istorja bikrija tal-Gżejjer Maltin, b’artefatti li jmorru lura sal-perjodu Neolitiku ta’ Malta (5900-2500QK) u l-ewwel fażi tal-perjodu Feniċju (bejn 800 u 600 sena QK). Attrazzjoni addizzjonali li qed joffri l-mużew bħalissa hija l-wirja Iltaqa’ mal-Feniċi ta’ Malta, fejn hemm esebit fost oħrajn is-sarkofagu tal-ġebel li nstab fil-limiti tar-Rabat xi snin ilu, kif ukoll wirja dwar bastiment ta’ żmien il-Feniċi li nstab f’qiegħ il-baħar lil hinn mix-Xlendi. Fil-Gran Salon fis-sular ta’ fuq, bħala parti mill-attivitajiet tan-Notte Bianca, se jkun hemm spettaklu ta’ żfin bl-isem UNight fit-8:00pm, fid-9:00pm u fl-10:00pm.

MUŻA, min-naħa l-oħra, joffri kollezzjoni intriganti ta’ xogħlijiet tal-arti mis-seklu 15 sas-seklu 21, li jvarjaw minn pitturi u skulturi sa għamara, fided, xogħlijiet fuq il-karta u objets d’art. Fl-okkażjoni tan-Notte Bianca, il-mużew se jilqa’ fih l-avveniment ta’ mużika jazz is-City Project, immexxi minn Dominic Galea, li jibda fit-8:00pm.

Heritage Malta se tiftaħ ukoll il-Knisja tal-Pilar, li hi wieħed mill-ġojjelli inqas magħrufa tal-belt kapitali. Il-knisja, li kienet tifforma parti mill-Berġa ta’ Aragona, Katalunja u Navarre, inbniet fis-snin 70 tas-seklu 17 u aktar tard, fl-1718, ġiet ristrutturata f’waħda mill-isbaħ knejjes Barokki fil-Belt. Fis-7:00pm, fit-8:00pm, fid-9:00pm u fl-10:00pm, fil-knisja se tittella’ attività teatrali bl-isem X-Voto bħala parti mill-avvenimenti tan-Notte Bianca.

Fis-Sala tal-Ambaxxaturi fil-Berġa ta’ Kastilja, Heritage Malta se tesebixxi diversi
artefatti li l-aġenzija xtrat jew ingħatat f’dawn l-aħħar sentejn. Dawn jinkludu xogħlijiet tal-arti, fossili li jmorru lura miljuni ta’ snin, libsa tal-magħmudija rrakkmata bid-deheb, kotba miktubin minn Jean Houël, u ittra tal-Inkwiżitur Durini, fost ħafna oħrajn.

Ekonomija

Sport