Wednesday, April 24, 2024

Hibernians jirbħu l-BOV Super Cup għar-raba’ darba fl-istorja … Ibrahim Kone l-eroj assolut għalihom

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Hibernians…………..0

Floriana……………….0

(5-4 wara l-għoti tal-penalties)

Hibernians rebħu l-BOV Super Cup għar-raba’ darba fl-istorja tagħhom meta għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 5-4 wara l-għoti tal-penalties, bl-eroj assolut għalihom ikun il-goalkeeper Ibrahim Kone wara li salva penalty mogħti minn Oualid El Hasni, biex skorja l-penalty sussegwenti għat-team tiegħu.

Kienet partita kemmxejn nervuża b’xejn inqas minn għaxar players ammoniti – sitta għal Hibernians u erbgħa għal Floriana.

Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu fl-14-il minuta meta Mattias Veselji kellu xutt mid-distanza li ġie salvat parzjalment mill-goalkeeper ta’ Hibernians, Ibrahim Kone, biex mir-rebound daħal tajjeb Jose Ulises Arias li kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin imdawwar f’corner mill-istess Kone.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-23 minuta, iż-żagħżugħ jan Busuttil temm azzjoni personali billi daħal fil-kaxxa, evita player, iżda minn pożizzjoni ideali tefa’ għoli.

Hibernians wieġbu għall-ewwel darba fit-43 minuta meta xutt mid-distanza ta’ Ali Diakite ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper Bulgaru ta’ Floraina, Georgi Kitanov.

Fil-65 minuta, Mattias Veselji, għall-Greens dar tajjeb ma’ player avversarju qabel xeħet cross għan-nofs iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun.

Huma komplew jippressaw u fil-71 minuta, Jan Busuttil, wiċċ imb’wiċċ ma’ Kone ra lil dan tal-aħħar isalva b’saqajh.

Ir-riżultat baqa’ ma nbidilx sa tmiem il-ħin regolamentari u b’hekk il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.

Fil-91 minuta, Floriana, tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta s-sostitut Kemar Reid kellu xutt mill-viċin li ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Kone.

U l-iskor baqa’ ma nbidilx lanqas wara l-ħin barrani u b’hekk il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties.

Mill-11-il metru għal Floriana skorjaw Jan Busuttil, Andrei Ciolacu, Kemar Reid u Christian Rutjens iżda falla Oualid El Hasni biex reġa’ falla penalty għat-tieni darba konsekuttiva wara li fil-jiem preċedenti kien falla penalty fi draw ta’ 1-1 kontra Marsaxlokk. Dan filwaqt li għal Hibernians irnexxielhom isibu x-xibka Kurt Shaw, Yunusa Muritala, Jake Grech, Jurgen Degabriele u l-goalkeeper Ibrahim Kone.

Wara l-partita, il-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, ippreżenta s-Super Cup lill-captain ta’ Hibernians, Bjorn Kristensen.

Hibernains: 24-Ibrahim Kone, 3-Ferdinando Apap, 4-Kurt Shaw, 6-Gonzalo Bravo Llerena, 7-Thaylor Aldama, 8-Jake Grech, 10-Jurgen Degabriele, 11-Bjorn Kristensen, 13-Zachary Grech (19-Joseph Zerafa 68), 22-Gabriel Izquier Artiles (23-Yunusa Muritala 68), 42-Ali Diakite Coach: Andrea Pisanu

Floriana: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend, 3-Christian Rutjens, 4-Oualid El Hasni, 7-Mattia Veselji (8-Kemar Reid 83), 10-Jose Ulises Arias (21-Carlo Zammit Lonardelli 83), 16-Fernando Ezequiel Juarez, 24-Lorenzo de Grazia, 28-Emiliano Callegari, 30-Jan Busuttil, 77-Aleandro Garzia Coach: Gianluca Atzori

Referee: Ishmael Barbara

Ass. Referees: Roberto Vella, Paul Apap

Raba’ Uffiċjal: Philip Farrugia

Skorers (minn penalty): J. Busuttil, A. Ciolacu, K. Reid, C. Rutjens (F), K. Shaw, Y. Muritala, J. Grech, J. Degabriele, I. Kone (H)

Ammoniti: I. Kone, K. Shaw, G. Llerena Bravo, B. Kristensen, Y. Muritala, G. Izquier Artiles (H), A. Magri Overend, M. Veselji, L. De Grazia, C. Rutjens (F)

Visit Gozo Player tal-Logħba: Jan Busuttil (F)

Sport