Minn Cristian Muscat
Paul Ferrante ġie uffiċjalment maħtur bħala l-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Malti tal-basketball tal-irġiel, f’deċiżjoni li timmarka bidu ġdid għal dan l-isport tant popolari f’Malta. Il-ħatra ġiet ikkonfermata mill-Malta Basketball Association, li ħabbret li Ferrante se jieħu post Duncan Fenech wara sentejn fit-tmexxija tat-tim.
Il-kowċ Malti għandu esperjenza estensiva fil-basketball lokali u internazzjonali, u issa qed jingħata wieħed mill-aktar rwoli prestiġjużi fl-isport Malti.
F’kummenti li ta wara l-ħatra lil dan is-sit, Ferrante wera s-sodisfazzjon u jgħid li jinsab onorat b’din il-fiduċja li ntweriet mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball. “Inħossni onorat li ġejt maħtur kowċ tat-tim nazzjonali. Din hija responsabbiltà kbira u nirringrazzja lill-Malta Basketball Association tal-fiduċja tagħhom fija,” qal Ferrante.
Huwa żied li għalih din mhux biss kariga ġdida, iżda wkoll opportunità biex ikompli jibni fuq il-progress li sar fis-snin reċenti. “Kull kariga ġġib magħha responsabbiltajiet ġodda, iżda l-mira tagħna tibqa’ ċara: li ntejbu l-livell tat-tim nazzjonali u nkunu aktar kompetittivi internazzjonalment.”
Flimkien miegħu, Omar Said se jservi bħala assistant coach. Ferrante spjega li din hija kollaborazzjoni naturali u effettiva. “Diġà ħdimna flimkien qabel u hemm ftehim tajjeb ħafna bejnietna. Dan jgħinna biex naħdmu b’mod aktar organizzat u effiċjenti,” qal hu.
Waħda mill-ewwel sfidi ewlenin għal Ferrante se tkun il-preparazzjoni għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-FIBA, li se ssir f’Ġibiltà bejn it-23 u t-28 ta’ Ġunju. Malta se tkun qed taffaċċja kompetizzjoni minn Andorra, il-pajjiż ospitanti Ġibiltà u San Marino.
Ferrante qal li diġà beda jaħseb fuq il-proċess ta’ selezzjoni tal-iskwadra. “Se jkun hemm xi bidliet naturali fl-iskwadra. Għandna ċerti plejers bħal David Bugeja li rtira u Matthew Xerri li mhux disponibbli din id-darba. Dan jiftaħ il-bieb għal opportunitajiet ġodda.”
Huwa enfasizza li l-għażla tal-plejers se tkun ibbażata fuq wirjiet, konsistenza u l-potenzjal fit-tul. “Se nkunu qed nevalwaw plejers li wrew il-valur tagħhom fil-kampjonat lokali. Il-mertu se jkun il-fattur ewlieni.”
Ferrante semma wkoll diversi plejers li huma parti importanti mix-xena tal-basketball Malti bħal Kurt Cassar u Samuel Deguara. “Dawn huma plejers li għandhom esperjenza u kwalità, u jistgħu jagħtu kontribut importanti lit-tim nazzjonali anke għax jilagħbu barra minn xtutna,” spjega.
Madankollu, huwa kien ċar li l-proġett tiegħu mhux se jkun ibbażat biss fuq l-esperjenza. Huwa rrimarka l-importanza ta’ plejers żgħażagħ. “Ma nistgħux naqtgħu linja u ngħidu li m’hemmx talent f’Malta. Hemm ħafna potenzjal, speċjalment fost iż-żgħażagħ li qed jitilgħu.”
Waħda mill-isfidi rikorrenti fil-basketball Malti hija l-viżibilità ta’ plejers li jilagħbu barra minn Malta. Ferrante spjega li dan kultant jagħmilha diffiċli biex jiġu evalwati. “Meta plejer ikun qed jilgħab barra, mhux dejjem ikollna l-istess aċċess jew viżjoni tiegħu, iżda dan ma jfissirx li ma jistax ikun parti mill-proġett.”
Huwa żied li l-għan tiegħu hu li jinħoloq bilanċ bejn plejers b’esperjenza internazzjonali u talent lokali li qed jiżviluppa. “Irridu nsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn esperjenza u żgħażagħ sabiex nibnu tim sostenibbli għall-futur.”
Il-kowċ għandu wkoll rekord impressjonanti fil-livell tal-klabbs. Matul il-karriera tiegħu, huwa mexxa diversi timijiet lejn suċċess sinjifikanti, inkluż seba’ kampjonati nazzjonali tal-irġiel, ħames Super Cups, erba’ Knock-Outs u ħames titli tax-shield. Hu rebaħ ukoll diversi kampjonati Under-23 ma’ żewġ klabbs differenti.
Fuq livell internazzjonali, Ferrante kellu esperjenza fil-kompetizzjonijiet FIBA ma’ timijiet taż-żgħażagħ f’Kosovo u San Marino fl-2018. Huwa ħa sehem ukoll fil-Logħob tal-FISEC u l-Jeux des Îles, li tawh aktar esperjenza f’kompetizzjonijiet internazzjonali.
Barra mill-basketball, Ferrante huwa wkoll edukatur u ilu jaħdem f’waħda mill-iskejjel indipendenti ewlenin f’Malta għal aktar minn 34 sena. Din l-esperjenza, skont hu, tgħinu fil-mod kif jindirizza u jiżviluppa plejers żgħażagħ.
Il-Malta Basketball Association irringrazzjat ukoll lil Duncan Fenech għall-kontribut tiegħu matul dawn l-aħħar sentejn, u awguratlu kull suċċess fil-futur. L-Assoċjazzjoni esprimiet fiduċja sħiħa fil-ħatra ta’ Ferrante u fil-viżjoni tiegħu għall-futur tat-tim nazzjonali.
Ferrante issa jidħol f’fażi importanti fejn irid jibni skwadra kompetittiva u jħejji lit-tim għal sfida Ewropea diffiċli. L-għan ewlieni tiegħu se jkun li jsaħħaħ il-kultura tat-tim, itejjeb il-prestazzjoni u jkompli jpoġġi lill-basketball Malti fuq livell aktar għoli.
Il-viżjoni tiegħu tinkludi wkoll ħidma fuq struttura aktar b’saħħitha għat-tim nazzjonali, żvilupp kontinwu tal-kowċing staff u aktar opportunitajiet għal plejers żgħażagħ biex jiksbu esperjenza internazzjonali. Ferrante jemmen li b’paċenzja u dixxiplina, Malta tista’ tilħaq livell aktar kompetittiv fl-Ewropa fil-futur qrib.
B’ħarsa lejn il-futur, il-messaġġ tiegħu huwa ċar: ħidma, bilanċ u fiduċja fit-talent Malti.


