Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet mill-etá ta’ seba’ snin. Kien missieri li niżżilni għall-ewwel darba man-Nursery tal-Marsa fejn għamilt sena, imbagħad iċċaqlaqt mal-Hamrun, u minn dakinhar sal-lum huwa l-bniedem li dejjem jimmotivani biex dejem inkompli naħdem u nimxi ‘l quddiem.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Zurrieq FC?
Ninsab eċitat ħafna għall din l-esperjenza maż-Zurrieq. Lest li nagħti l-almu tiegħi u nkun ta’ għajnuna lejn it-tim.
Iddeskrivi l-esperjenza issa passata tiegħek ma’ Marsa FC u kemm tgħallimt minnha.
L-esperjenza tiegħi mal-Marsa kienet waħda ta’ ħafna nżul u tlajja. L-ewwel sena kienet sena iebsa għalija għaliex min kien fit-tmexxija tat-tim ma tanix iċ-ċans. Iżda fit-tieni sena mal-Marsa nemmen li kienet waħda ta’ reżiljenza fejn kelli bidu daqsxejn kwiet u grazzi għall-fiduċja tal-kowċ Ryan Fenech kelli rawnd pożittiv fejn skurjajt seba’ gowls f’sitt logħbiet.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li l-livell tal-futbol Malti qed jitjieb sena wara sena … kemm il-livell tal- futbol tal-plejers Maltin kif ukoll tal-barranin.
U rigward dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrgu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Nemmen li hemm riżorsi tajbin u komdi għalina l-plejers.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Għall-istaġun li ġej, ħa nagħti l-100% tiegħi mal-klabb taż-Zurrieq, imbagħad ‘il quddiem inħalli f’idejn Alla!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.
Il-messagg tiegħi huwa li min jixtieq jibda l-futbol jibdih. Huwa sport sabiħ fejn bħala bniedem tista’ tikber u titgħallem minnu. Ovvjament bħal kollox fil-ħajja fih it-tajjeb u l-ħażin tiegħu, iżda qatt ma trid taqta’ qalbek u dejjem tagħti l-almu tiegħek kollu!


