Saturday, December 21, 2024

Ħidma fuq diversi ġibjuni biex l-ilma tax-xita jintuża għat-tisqija

Aqra wkoll

Matul ix-xhur tas-sajf il-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddejjin b’ħidma ta’ manutenzjoni u tindif fuq numru ta’ ġibjuni. Din il-ħidma kruċjali issir biex l-ilma tax-xita ma jinħeliex u  jinġabar f’dawn il-bjar sabiex wara jintuża għat-tisqija u skopijiet oħra tal-għelieqi.

Fi żjara li għamlu l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia fuq il-ġibjun li jinsab fin-naħa ta’ San Klement fiż-Żejtun, setgħu jaraw ix-xogħlijiet importanti li għaddejjin bħalissa fuq dan il-ġibjun.

Il-Ministru Chris Bonett enfasizza l-importanza li ikun hawn infrastruttura adegwata li tħaddan il-prinċipji ta’ sostenibbiltà għal-ħażna tal-ilma sabiex dan ma jinħeliex, speċjalment meta il-ġbir tal-ilma iservi ta’ għajnuna kbira għall-bdiewa Maltin u Għawdxin li jagħmlu użu mill-ilma tax-xita għall-irrigazzjoni.

“Huwa kruċjali li dawn ix-xogħlijiet isiru fis-sajf sabiex, bħax-xogħlijiet oħrajn li qed iwettqu l-ħaddiema tal-Public Works Department u Infrastructure Malta fuq it-tindif tal-katusi u spralli tax-xita fit-toroq ewlenin madwar Malta, innaqqsu r-riskju ta’ għargħar fix-xitwa filwaqt li nagħmlu l-aħjar użu mil-ilma tax-xita,” sostna l-ministru.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia spjega li l-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi iwettqu xogħlijiet imprezzabbli matul ix-xhur tas-sajf biex nilqgħu għall-istaġun tax-xitwa. “Ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq dawn il-ġibjuni, huma ta’ importanza kbira biex l-ilma tax-xita jkun jista’ jinġabar u użat għal skopijiet agrikoli li jgħin lill-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom madwar dawn il-ġibjuni.”

Il-Perit Mario Ellul spjega kif, il-ġibjun, li jiflaħ madwar 2,500 metru kubu ta’ ilma tax-xita qegħdin isirulu xogħlijiet ta’ tindif mill-ħama u ħmieġ ieħor li ġie akkumulat mas-snin. Bħalissa qed isiru il-preparazzjonijiet mal-ħitan tal-ġibjun biex ikun jista’ jsir il-kisi mill-ġdid tiegħu wara li jitneħħa dak qadim. Il-kisi ġdid imbagħad isir b’materjal apposta ħalli l-ġibjun ma jitlifx ilma.

Preżenti matul iż-żjara kien hemm is-Sindku taż-Żejtun, Joan Agius u l-Viċi-Sindku Raymond Caruana.

Ekonomija

Sport