Wednesday, March 27, 2024

Ħidma kontra l-vjolenza domestika tintensifika u mhux jirrenjaw il-biża’ u s-skiet

L-FSWS ittenni l-impenn tagħha biex tkompli taħdem u tqajjem aktar għarfien dwar din l-isfida li għandna fis-soċjetà tagħna

Aqra wkoll

Bħalma jsir kull sena, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) organizzat konferenza biex tfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika, bit-tema ta’ din is-sena tkun ‘Focus on Child-to-Parent Violence’.

Il-konferenza ġiet indirizzata minn Dr Lydia Abela, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg. Għaliha attendew ukoll l-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri, id-Direttur tal-Aġenzija Appoġġ Graziella Castillo u Dr Ceryl Teleri Davies, Social Work Lecturer mill-Bangor University f’Wales. 

Fl-indirizz tagħha Dr Lydia Abela qalet li l-vjolenza domestika hija affari ta’ kulħadd u tkellmet ukoll dwar l-aħħar femiċidju li seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa fejn sostniet li l-ebda kliem ma jista’ jsabbar u jidħol fiż-żarbun tal-familja tal-vittma. Dr Abela qalet li minflok ma wieħed jaqta’ qalbu u jibqa’ sieket, aktar iridu jintensifikaw il-ħidma tagħhom. Hija tkellmet ukoll dwar il-vjolenza mit-tfal għall-ġenituri fejn hawnhekk hija għaddiet messaġġ lil dawk li qed ibatu weħidhom fejn enfasizzat li meta wieħed ifittex l-għajnuna din mhix sinjal ta’ dgħjufija. 

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal tkellem dwar il-bżonn t’aktar għarfien minn etajiet żgħar, fejn kull tip ta’ vjolenza hija inaċċetabbli. Spjega illi hemm bżonn t’aktar ħidma ħolistika bejn l-Istat, il-Qrati u l-Awtoritajiet kollha li jipprovdu protezzjoni lil vittmi ta’ vjolenza domestika. ‘‘Irridu nesploraw aktar realtajiet ġodda, fejn saħansitra t-tfal ikunu aggressivi lejn il-ġenituri, u nifhmu x’qed iwassal għal din l-imġieba. Azzjoni f’waqtha llum taf issalva ħajja u futur ta’ persuna u dawk ta’ madwarha’’, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li s-suġġett tal-vjolenza mit-tfal għall-ġenituri huwa suġġett serju u l-evidenza turina li dan il-fenomenu qed jiżdied. Tkellmet dwar il-fatt li f’kull familja u f’kull relazzjoni jista’ jkun hemm xi sfidi, iżda enfasizzat il-fatt li l-ebda tip ta’ vjolenza mhi aċċettabbli. Żiedet tgħid li l-vjolenza mit-tfal għall-ġenituri ġġib magħha ċertu stigma u huwa suġġett kumpless ħafna. Hija saħqet ukoll dwar l-importanza ta’ kampanji edukattivi fl-iskejjel fejn jiġi mgħallem li r-rispett huwa l-qofol ta’ kull relazzjoni li wieħed se jkollu fil-ħajja. 

Permezz ta’ vidjow, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti wassal il-messaġġ tiegħu fejn tenna l-impenn li bħala Fondazzjoni tkompli taħdem u tqajjem għarfien dwar il-vjolenza domestika. Huwa qal: “Dak li ġara din il-ġimgħa u matul l-aħħar sena jurina li qatt ma nistgħu nieqfu milli nkomplu nqajmu kuxjenza dwar il-vjolenza domestika. Irridu li din l-isfida li għandha s-soċjetà tagħna nkomplu naffaċċjawha bl-ikbar impenn u bl-ikbar serjetà.” Rigward il-vjolenza mit-tfal għall-ġenituri huwa qal li t-tfal jagħmlu bħalma jaraw il-kbar jagħmlu u enfasizza li r-rapporti bejn l-adulti jridu jkunu rapporti ta’ mġieba pożittiva li tibgħat il-messaġġ li mhux aċċettabbli li xi partner f’relazzjoni juża l-vjolenza kontra l-partner l-ieħor. 

Min-naħa tagħha Dr Ceryl Teleri Davies, spjegat li hija riċerkatriċi li għamlet ħafna xogħol fuq din it-tip ta’ vjolenza u żviluppat tool-kit biex il-professjonisti jkunu jistgħu jużawha biex jassessjaw jekk teżistix din it-tip ta’ vjolenza f’familja fejn ikun hawn dawn ir-rapporti. Fejn tidħol il-vjolenza mit-tfal għall-ġenituri hija innotat li l-ġenitur jew min jieħu ħsiebhom, u ħafna drabi l-familja kollha, iridu jaġġustaw biex jgħixu flimkien ma’ din l-imġieba abbużiva. Qalet li din it-tip ta’ vjolenza hija l-aktar forma ta’ vjolenza moħbija u l-ġenituri ħafna drabi jħossuhom soċjalment iżolati bħala riżultat ta’ din il-vjolenza li qed jesperjenzaw fid-djar. Enfasizzat il-fatt li kull tip ta’ vjolenza tikkonċerna l-poter u l-kontroll fuq ħaddiehor.

Il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri qalet li l-vjolenza mit-tfal għall-ġenituri huwa fenomenu kumpless u waħda mir-raġunijiet tista’ tkun li dawn ikunu qed josservaw patterns ta’ kommunikazzjoni abbużivi u vjolenti bejn il-ġenituri jew il-gwardjani tagħhom. Qalet li minkejja li l-fenomenu tal-vjolenza mit-tfal għall-ġenituri  huwa differenti mill-vjolenza domestika, it-tnejn huma relatati għaliex jirreferi għal dinamika vjolenti ġol-familja stess. Għaldaqstant hija qalet li rridu nitrattaw il-fenomenu mil-lenti sistemika u jsir xogħol mal-familja kollha. Dan filwaqt li nippruvaw nifhmu xi jkun għaddej u jesperjenza t-tifel jew it-tifla u kif dan kollu jħalli effetti fuq din l-imġieba tant li tinkwieta lill-ġenituri tagħhom li jkunu qed jagħmlu minn kollox biex jifmuhom.

Il-vjolenza mhix l-istess bħar-rabja. Ir-rabja hija emozzjoni. Il-vjolenza tikkonċerna l-poter u l-kontroll.

Permezz tas-servizz ta’ vjolenza minn tfal għal ġenituri, fi ħdan Aġenzija Appoġġ, tfal li jkunu abbużivi mal-ġenitur/i tagħhom jew adulti li jkunu qed jieħdu ħsiebhom, jiġu mgħejjuna permezz ta’ ħaddiema soċjali u professjonisti oħrajn biex jindirizzaw is-sigurtà ta’ kull membru fil-familja.

Kull min jgħaddi minn sitwazzjoni simili, jew min kwalunkwe tip ta’ vjolenza domestika, u għandu bżonn l-għajnuna għandu jċempel 179 jew jikkuntattja Aġenzija Appoġġ fuq 22959000.

Ekonomija

Sport